X’inhu mutwanti tal-aħħar istanza?
26 ta' Awwissu 2019
Mutwanti tal-aħħar istanza huwa fuq min idur meta jkollok bżonn urġenti ta’ fondi u tkun eżawrejt l-għażliet l-oħra kollha tiegħek. Il-banek tipikament iduru fuq il-mutwanti tal-aħħar istanza tagħhom meta ma jistgħux jiksbu l-finanzjament li għandhom bżonn għan-negozju ta’ kuljum tagħhom. Dan jista’ jiġri f'perjodi ta' taqlib finanzjarju, meta l-banek jista’ jkollhom dubji dwar is-self lil xulxin u ħafna nies jkunu jridu f’daqqa waħda jirtiraw il-flus tagħhom mill-kont bankarju tagħhom.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-banek ċentrali jaġixxu bħala mutwanti tal-aħħar istanza. Il-banek ċentrali tradizzjonalment żammew dan ir-rwol minħabba li huma primarjament dawk responsabbli biex jiżguraw li s-swieq finanzjarji jiffunzjonaw bla xkiel u li s-sistema finanzjarja tkun stabbli. B'dan il-mod jgħinu biex jipproteġu lin-nies u n-negozji mid-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu meta l-banek ikunu fl-inkwiet.
Min hu l-mutwanti tal-aħħar istanza fiż-żona taż-żona tal- euro?
Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro jaqsmu r-rwol ta’ mutwanti tal-aħħar istanza.
X’inhu r-rwol tal-bank ċentrali nazzjonali?
Il-banek ċentrali nazzjonali fiż-żona tal-euro joffru l-aħħar xibka ta’ sigurtà għall-banek li ma jistgħux jiksbu l-finanzjament li għandhom bżonn minn x'imkien ieħor. Din ix-xibka ta’ sigurtà tissejjaħ għajnuna għal-liwidità f'emerġenza, jew ELA. Fiż-żona tal-euro, is-self ELA huwa pprovdut mill-bank ċentrali nazzjonali tal-pajjiż li fih huwa bbażat il-bank li qiegħed f’diffikultà. Dak il-bank ċentrali nazzjonali iġorr ukoll kull spiża u riskju li jisa’ jinqala’.
X’inhu r-rwol tal-BĊE f’dan kollu?
Filwaqt li l-banek ċentrali nazzjonali huma responsabbli biex jipprovdu l-ELA, l-attivitajiet tagħhom ta’ mutwanti tal-aħħar istanza huma kkontrollati u mmonitorjati mill-BĊE. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista’ jirrestrinġi jew joġġezzjona għal għajnuna ta’ emerġenza jekk żewġ terzi tal-membri tiegħu jaqblu li jagħmlu dan. Jistgħu joġġezzjonaw biss, madankollu, jekk jemmnu li l-ELA tfixkel il-politika monetarja tal-BĊE jew l-għanijiet u l-kompiti tal-Eurosistema.
Allura dan ifisser li l-banek f'diffikultajiet finanzjarji dejjem jiġu salvati, jiġri x’jiġri?
Le, dan mhux kif taħdem. Ma hemm l-ebda garanzija li bank jirċievi ELA mill-bank ċentrali nazzjonali tiegħu. Fil-fatt, hemm regoli stretti fis-seħħ u ċerti kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti.
L-ELA hija biss għal banek li huma solventi
Biex jikkwalifikaw għall-ELA l-banek jistgħu jkunu illikwidi imma għandhom ikunu solventi. Li jkunu illikwidi tfisser li l-banek jistgħu jsibuha diffiċli biex iħallsu lura d-depożitanti kollha f’dawk iċ-ċirkustanzi. Li tkun solventi ifisser li huma kapaċi jagħmlu dan fit-tul. Bank jista’ jsir illikwidu waqt li jibqa' solvent għax il-fondi tiegħu jistgħu jkunu marbuta f'self fuq żmien itwal li jkun ta lill-klijenti tiegħu.
L-ELA hija temporanja biss
Kif jissuġġerixxi l-isem, l-ELA hija għal emerġenzi u tingħata biss f'ċirkostanzi mhux previsti. Ladarba l-affarijiet jerġgħu lura għan-normal, l-ELA tieqaf u s-self irid jitħallas lura.
L-ELA għandha l-prezz tagħha
Il-banek ċentrali nazzjonali jaċċettaw kollateral ta’ kwalità iktar baxxa għal self ELA milli għal fondi mhux ta’ emerġenza. Billi dan iżid ir-riskji tagħhom, il-banek ċentrali japplikaw tnaqqis fil-valurgħall-kollateral u jiċċarġjaw lill-banek rata ta’ imgħax ogħla.
Il-banek ċentrali huma konxji li l-banek għandhom it-tentazzjoni li jieħdu iżjed riskji jew ikbar jekk ikunu jafu ċerti li xi ħadd ser isalvahom jekk ma jistgħux iħallas lura d-dejn tagħhom. Dan huwa magħruf bħala riskju morali. Applikati b’mod konsistenti, ir-regoli deskritti hawn fuq jgħinu biex jevitaw li jinħolqu perikli morali.
Għaliex huwa daqshekk importati li l-banek ikollhom mutwanti tal-aħħar istanza?
Anki jekk bank ikun solventi, jekk ma jkunx jista’ jissodisfa t-talbiet tal-klijenti u l-kredituri tiegħu fi żmien qasir, il-klijenti jistgħu jibżgħu għas-sigurtà ta' flushom u dan jista’ jwassal li l-bank jingħeleb. Il-bank għalhekk jista’ jfalli. Il-konsegwenzi ta’ dan jistgħu jkunu ta’ entità kbira.
- In-nies jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom. Meta jfalli bank, is-self lin-negozji jieqaf ħesrem. Dan ifisser li n-negozji jistgħu ma jkunux jistgħu jħallsu l-pagi jew jixtru materja prima, pereżempju, u jistgħu jsibuha diffiċli li jżommu l-kumpanniji tagħhom fil-wiċċ.
- Il-konsegwenzi jistgħu jinfrxu Billi l-banek huma interkonnessi, problemi f’bank wieħed jistgħu jinfirxu għal oħrajn. Malajr ħafna jiġri li ma jkunux biss il-klijenti tal-bank affettwat li jsofru, imma l-klijenti ta’ ħafna banek ukoll. Il-konsegwenzi għan-negozji, l-impjiegi u dawk li jfaddlu jistgħu jintensifikaw u eventwalment ikollhom impatt fuq l-ekonomija kollha. Jekk jiġri dan, ħafna drabi huma l-kontribwenti tat-taxxa li jispiċċaw jagħmlu tajjeb għan-nuqqas.
Fi ftit kliem, meta bank ċentrali jaġixxi ta’ mutwanti tal-aħħar istanza, jista’ jipprevjeni ħafna diffikultajiet għan-nies u n-negozji.
Stenna! U jekk huwa l-gvern li jkun f’diffikultajiet finanzjarji pjuttost milli bank? Il-banek ċentrali jipprovdu fondi ta’ emerġenza għalihom ukoll?
Le, ma jagħmlux hekk fiż-żona tal-euro dan huwa illegali. Kieku l-gvernijiet jistgħu jitolbu l-finanzjament mill-banek ċentrali, dan jikkomprometti l-kapaċità tal-bank ċentralibiex iżommu l-prezzijiet stabbli u tiġi mminata l-indipendenza tagħhom. Huwa għalhekk li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi lill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali milli jiffinanzjaw lill-gvernijiet.