Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2005

Belt tal-Vatikan

Tema: L-20 Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Deskrizzjoni: F'nofs il-munita hemm xbieha tal-Katidral ta’ Köln (Cologne) b’kometa għaddejja ’l fuq minnu. Il-kliem ‘XX GIORNATA MONDIALE DELLA GIOVENTÙ’ (L-20 Jum Dinji taż-Żgħażagħ) huwa mnaqqax madwar in-naħa ta’ fuq tal-parti ċentrali, mifrud minn denb il-kometa u ż-żewġ kampnari tal-katidral. Kampnar minnhom jestendi sax-xifer ta' barra tal-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita, madwar in-nofs ta' fuq, hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, li huma mifrudin fuq nett mis-sena meta ħarġet il-munita ‘2005’ u l-marka taz-zekka ‘R’. Taħt ix-xbieha ċentrali tal-katidral, il-kliem ‘CITTÀ DEL VATICANO’ jifforma nofs tond madwar in-naħa ta’ isfel taċ-ċirku ta' barra.

Volum tal-ħruġ: 100,000 munita

Data tal-ħruġ: Diċembru 2005

Repubblika ta' San Marino

Tema: Is-Sena Dinjija tal-Fiżika 2005

Deskrizzjoni: Iċ-ċentru tal-munita turi interpretazzjoni libera tal-kwadru allegoriku ta’ Galileo Galilei magħruf bħala ‘La fisica antica’ (Il-fiżika tal-qedem) jew l-istudju tal-pjaneti. Is-sena meta ħarġet il-munita tidher taħt globu li jinsab fuq skrivanija. Fuq ix-xellug tax-xbieha hemm il-marka taz-zekka ‘R’ u fuq il-lemin hemm l-inizjali tal-inċiżitriċi ‘LDS’. Il-kliem ‘SAN MARINO’ jifforma nofs tond ’il fuq mix-xbieha filwaqt li l-kliem ‘ANNO MONDIALE DELLA FISICA’ (is-Sena Dinjija tal-Fiżika) jidher madwar ix-xifer t’isfel fuq in-naħa ta’ ġewwa. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, mifrudin mit-truf ta’ barra tax-xbieha ta’ atomu stilizzat minqux fl-isfond tal-munita kollha.

Volum tal-ħruġ: 130,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2005

L-Italja

Tema: L-ewwel anniversarju tal-iffirmar tal-Kostituzzjoni Ewropea

Deskrizzjoni: F'nofs il-munita jidhru l-figuri mitoloġiċi ta' Europa u l-barri. Europa qiegħda żżomm pinna (rixa) u t-test tal-Kostituzzjoni Ewropea. Fuq in-naħa tax-xellug, ’il fuq minn din ix-xbieha, hemm il-marka taz-zekka ‘R’. L-inizjali tal-inċiżitriċi Maria Carmela Colaneri ‘MCC’ jidhru fit-tarf t’isfel fuq ix-xellug tal-parti tan-nofs tal-munita. Is-sena meta ħarġet il-munita tidher ’il fuq mir-ras tal-barri fuq il-lemin. Fin-naħa ta ’isfel tax-xbieha tidher il-monogramma tar-Repubblika Taljana, ‘RI’. Il-kliem ‘COSTITUZIONE EUROPEA’ (Kostituzzjoni Ewropea) jifforma nofs tond madwar iċ-ċirku ta’ barra tal-munita taħt ix-xbieha ewlenija, filwaqt li t-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea jidhru madwar il-parti ta’ fuq taċ-ċirku ta’ barra.

Volum tal-ħruġ: 18-il miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2005

Il-Finlandja

Tema: Is-60 anniversarju tat-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti u l-50 anniversarju tas-sħubija tal-Finlandja f’din l-għaqda

Deskrizzjoni: F’nofs il-munita hemm xbieha ta’ biċċiet ta’ jigsaw puzzle li juru l-ħamiema tal-paċi. Taħt il-ħamiema hemm il-kitba ‘FINLAND – UN’ (Finlandja – Nazzjonijiet Uniti) imnaqqxa fuq ix-xellug fin-naħa ta’ isfel tal-munita filwaqt li fuq il-lemin hemm is-sena meta ħarġet il-munita. ’Il fuq mill-aħħar ċifra tas-sena tal-ħruġ, qrib biċċa mill-jigsaw puzzle, hemm l-ittra ‘K’, l-inizjali tal-inċiżur. Il-marka taz-zekka ‘M’ tidher imnaqqxa fin-nofs eżatt taħt ix-xbieha tal-ħamiema tal-paċi. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2-il miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2005

Awstrija

Tema: Il-50 anniversarju tat-Trattat tal-Istat tal-Awstrija

Deskrizzjoni: F’nofs il-munita tidher riproduzzjoni tal-firem u tas-siġilli li ntużaw fit-Trattat tal-Istat tal-Awstrija li ġie ffirmat f’Mejju 1955 mill-ministri tal-affarijiet barranin u l-ambaxxaturi tal-Unjoni Sovjetika, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u Franza, u mill-ministru tal-affarijiet barranin Awstrijak Leopold Figl. L-iskrizzjoni ‘50 JAHRE STAATSVERTRAG’ (50 Sena mit-Trattat tal-Istat) tidher fit-tond ’il fuq mis-siġilli filwaqt li s-sena meta ħarġet il-munita ‘2005’ tidher isfel fuq ix-xellug. L-istrixxi vertikali fl-isfond jirrappreżentaw il-kuluri nazzjonali tal-Awstrija (aħmar-abjad-aħmar). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 7-il miljun munita

Data tal-ħruġ: Mejju 2005

Spanja

Tema: Ir-raba’ ċentinarju tal-ewwel edizzjoni tal-ktieb ‘Il-ġentlom inġenjuż Don Quijote minn La Mancha’ ta’ Miguel de Cervantes.

Deskrizzjoni: F’nofs il-munita hemm xbieha ta’ Don Quijote b’lanza f’idu, filwaqt li fl-isfond jidhru l-imtieħen tar-riħ. Fuq in-naħa tax-xellug hemm il-kelma ‘ESPAÑA’ imnaqqxa fil-wiċċ tal-munita u taħtha tidher il-marka ‘M’ taz-zekka rjali. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, b'erbgħa minnhom minquxin fil-wiċċ fuq in-naħa tal-lemin. Fin-naħa t’isfel tidher id-data meta ħarġet il-munita, 2005, mifruda f'nofsha minn waħda mill-istilel.

Volum tal-ħruġ: 8-il miljun munita

Data tal-ħruġ: April 2005

Il-Belġju

Tema: L-Unjoni Ekonomika bejn il-Belġju u l-Lussemburgu

Deskrizzjoni: Ix-xbihat tal-Gran Duka Henri tal-Lussemburgu u tar-Re Albert II tal-Belġju jidhru mill-profil (mix-xellug għal-lemin) f’nofs il-munita, fuq is-sena ‘2005’ meta ħarġet. L-inizjali tal-inċiżur ‘LL’ jidhru lejn il-lemin taħt ix-xbieha tal-profil tar-Re Albert II. Madwar iż-żewġ xbihat u s-sena hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-monogrammi tal-Gran Duka Henri fuq ix-xellug u tar-Re Albert II fuq il-lemin. Il-marki taz-zekka u tal-istampatur jidhru bejn l-istilel fil-parti t'isfel tal-munita.

Volum tal-ħruġ: 6-il miljun munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2005

Il-Lussemburgu

Tema: Għeluq il-50 sena tal-Gran Duka Henri, il-ħames anniversarju ta’ meta laħaq re u l-100 anniversarju tal-mewt tal-Gran Duka Adolphe

Deskrizzjoni: F’nofs il-munita hemm ix-xbieha ta’ wiċċ il-Gran Duka Henri fi profil li jħares lejn il-lemin fuq ix-xbieha tal-Gran Duka Adolphe. ’Il fuq mix-xbihat jidher il-kliem ‘GRANDS-DUCS DE LUXEMBOURG’ (Gran Duki tal-Lussemburgu). L-isem ‘HENRI’, li jidher fuq is-sena ‘*1955’ u l-isem ‘ADOLPHE’, li jidher fuq is-sena ‘†1905’, huma mnaqqxin taħt ix-xbihat rispettivi tagħhom. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, qalb l-ittri tal-kelma ‘LËTZEBUERG’ u s-sena meta ħarġet il-munita ‘2005’ filwaqt li din tal-aħħar tinsab taħt ix-xbihat, mifruda fin-nofs minn stilla minnhom. Fuq ix-xellug tas-sena hemm l-ittra ‘S’ u fuq il-lemin hemm il-marka taz-zekka.

Volum tal-ħruġ: 2.8 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2005