Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2009
Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor pubblikat f’din il-websajt.
Is-Slovakkja
Tema: L-20 anniversarju tas-17 ta’ Novembru 1989 (Jum il-ġlieda għall-ħelsien u d-demokrazija)
Deskrizzjoni: Fuq il-munita tidher qanpiena stilizzata bi ċwievet li jservu bħala l-ilsna tal-qanpiena. Il-munita tfakkar id-dimostrazzjoni tas-17 ta' Novembru 1989 meta dawk li ħadu sehem fil-protesta ċekċku ċ-ċwievet tagħhom bħala simbolu tal-ftuħ tal-bibien, ġrajja li ċċelebrat il-bidu tar-'Rivoluzzjoni tal-Bellus' fiċ-Ċekoslovakkja ta' dak iż-żmien. 'L isfel mill-qanpiena hemm il-marka tad-disinjatur u l-marka taz-zekka Mincovňa Kremnica (iz-zekka Slovakka). Madwar il-qanpiena hemm il-kitba ‘17. NOVEMBER SLOBODA DEMOKRACIA’, id-dati ‘1989-2009’ u l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘SLOVENSKO’. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Novembru 2009
Il-Finlandja
Tema: Il-200 anniversarju tal-awtonomija Finlandiża u tad-Diet (assemblea leġiżlattiva) ta' Porvoo
Deskrizzjoni: L-ewwel assemblea leġiżlattiva tal-Finlandja ltaqgħet fl-1809 f'Porvoo. Għalhekk fuq il-munita hemm il-profil tal-katidral ta' Porvoo fejn saret iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni. Fin-naħa ta' fuq hemm is-sena ‘1809’ miktuba b'ċifri stilizzati.Fuq ix-xellug hemm l-inizjali tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘FI’ u fuq il-lemin hemm is-sena tal-ħruġ ‘2009’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1.6 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2009
Belt tal-Vatikan
Tema: Is-Sena Internazzjonali tal-Astronomija
Deskrizzjoni: Din il-munita nħarġet fl-okkażjoni tas-Sena Internazzjonali tal-Astronomija. Fil-parti ċentrali tal-munita hemm allegorija tat-twelid tal-istilel u l-pjaneti flimkien ma' diversi strumenti astronomiċi. Id-disinn ġie mnebbaħ mill-affreski ta' Michelangelo li jinsabu fil-Kappella Sistina. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 106,000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2009
L-Italja
Tema: Il-200 anniversarju tat-twelid ta' Louis Braille
Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm id li qed tmiss ktieb miftuħ biex taqrah. Is-seba' l-werrej huwa ppuntat lejn skrizzjoni vertikali ‘LOUIS BRAILLE 1809-2009’ u żewġ għasafar qegħdin itiru 'l fuq mill-id, simbolu tal-ħelsien tal-għerf. Il-monogramma tar-Repubblika Taljana ‘RI’ tinsab fuq il-lemin fin-naħa ta' fuq filwaqt li l-marka taz-zekka ‘R’ tinsab fuq il-lemin in-naħa t'isfel. Taħt il-ktieb hemm isem Braille miktub bl-alfabett li ivvinta huwa stess. Isfel nett hemm l-inizjali ‘M.C.C.’ ta’ Maria Carmela Colaneri li ddisinjat il-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 2 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2009
Il-Belġju
Tema: Il-200 anniversarju tat-twelid ta' Louis Braille
Deskrizzjoni: Fuq il-munita jidher ritratt ta' Louis Braille bl-inizjali tiegħu, L u B, miktuba bl-alfabett li ddisinja hu. Ismu jidher 'il fuq mix-xbieha u taħtha hemm l-inizjali tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘BE’ u s-snin ‘1809’ u ‘2009’. Fuq ix-xellug u fuq il-lemin rispettivament hemm il-marka taz-zekka u l-marka tal-istampier. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 5 miljun munita
Data tal-ħruġ: Settembru 2009
Il-Portugall
Tema: It-Tieni Logħob Lużofonu
Deskrizzjoni: Il-munita nħarġet għaċ-ċelebrazzjoni tal-logħob organizzat għall-pajjiżi li l-lingwa tagħhom hi l-Portugiż. Fuqha jidher ġinnasta qiegħed ixejjer żigarella twila. L-istemma araldika Portugiża tidher fin-naħa ta' fuq tal-munita flimkien mal-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘PORTUGAL’. Fin-naħa t'isfel, il-kitba ‘2.os JOGOS DA LUSOFONIA LISBOA’ hi minquxa bejn l-inizjali ‘INCM’ fuq ix-xellug u l-isem tad-disinjatur ‘J. AURÉLIO’ fuq il-lemin. Is-sena ‘2009’ tidher ’il fuq mill-ġinnasta. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea fuq sfond ta' linji tondi konċentriċi.
Volum tal-ħruġ: 1.25 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2009
San Marino
Tema: Is-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni
Deskrizzjoni: Il-munita turi ċerti simboli ta’ riċerka xjentifika: ktieb, kumpass, tubu żgħir tal-ħġieġ u flixkun li jintuża fil-laboratorji. Fuq ix-xellug hemm it-tliet rixiet emblematiċi tar-Repubblika ta' San Marino. Fuq il-lemin hemm is-sena ‘2009’ u l-marka taz-zekka ‘R’. Fin-naħa ta' fuq hemm il-kitba ‘CREATIVITÀ INNOVAZIONE’ (Kreattività u Innovazzjoni). Fin-naħa t'isfel hemm l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘SAN MARINO’ u l-inizjali tad-disinjatur ‘A.M.’. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 130,000 munita
Data tal-ħruġ: Mejju 2009
il-Ġermanja
Tema: L-Istat Federali ta' Saarland
Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm il-Ludwigskirche, simbolu ta' Saarbrücken, il-kapitali tas-Saarland. Ix-xbieha turi l-faċċata magħrufa tal-lvant u l-kampnar tal-knisja, bil-kelma ‘SAARLAND’ u ‘D’, il-marka taz-zekka, taħthom. Il-munita ġiet iddisinjata minn Friedrich Brenner.L-inizjali tiegħu jidhru fuq il-lemin fin-naħa ta' fuq tax-xbieha. Fin-naħa ta' fuq taċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, mifrudin mis-sena tal-ħruġ ‘2009’ filwaqt li fin-naħa t'isfel jidher il-kliem ‘BUNDESREPUBLIK DEUTSCHLAND’ (Repubblika Federali tal-Ġermanja).
Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita
Data tal-ħruġ: Frar 2009
Pajjiżi taż-żona tal-euro
Tema: L-10 anniversarju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm figura ta' persuna li tidher mgħaqqda mas-simbolu tal-€ . L-għan huwa li titwassal l-idea li l-munita unika, u għalhekk ukoll l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), hija l-aktar pass reċenti fl-istorja twila tal-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika tal-Ewropa. Il-munita nħarġet mill-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro u fuqha hemm l-isem tal-pajjiż kif ukoll il-kitba ‘EMU 1999-2009’ bil-lingwi rispettivi. Id-disinn tal-munita ntgħażel minn fost ħamsa permezz ta' votazzjoni onlajn li saret fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Id-disinn inħoloq minn George Stamatopoulos, skultur tad-dipartiment taz-zekka tal-Bank of Greece. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: ivarja minn pajjiż għal pajjiż
Data tal-ħruġ: Jannar 2009
Il-Lussemburgu
Tema: Il-Gran Duka Henri u l-Gran Dukessa Charlotte
Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm figura tal-Gran-Duka Henri u tal-Gran-Dukessa Charlotte. Fuq il-lemin tax-xbieha, stampata vertikalment, hemm il-kelma ‘LËTZEBUERG’ u s-sena ‘2009’.Fuq naħa waħda tas-sena hemm il-marka tal-istampier u fuq in-naħa l-oħra hemm il-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2009