Muniti kommemorattivi taż-€2 – 2020
Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor ippubblikat f’din il-websajt.
Il-Lussemburgu
Tema: It-twelid ta’ Prinċep Charles
Deskrizzjoni: Id-disinn juri fiċ-ċentru r-rappreżentazzjoni tal- Prinċep Charles kif ukoll ix-xbihat tal-ġenituri tiegħu, l-Altezza Rjali tagħhom il-Gran Duka Ereditarju Guillaume u l-Gran Dukessa Ereditarja Stephanie. Taħt dawn ix-xbihat, it-test ‘S.A.R. de Prënz Charles’ (l-Altezza Rjali tiegħu l-Prinċep Charles) huwa segwit mid-data tat-twelid ‘10 ta’ Mejju 2020’. Fuq ix-xellug, il-kelma “LËTZEBUERG” bħala l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ tidher vertikalment. Il-monogramma (ittra “H” b’kuruna) hija rappreżentazzjoni tal-Gran Duka Henri. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 500,000 munita
Data tal-ħruġ: Diċembru 2020
Il-Portugall
Tema: Is-730 anniversarju tal-Università ta’ Coimbra
Deskrizzjoni: Id-disinn juri t-torri tal-Università ta’ Coimbra u l-kompożizzjoni viżiva tat-triangoli li jirrappreżentaw il-bjut tal-università ta’ Coimbra, l-ogħla huwa tal-Librerija Joanina fi ħdan l-ittri “UNIVERSIDADE DE COIMBRA 730 ANOS PORTUGAL 2020” (Malti – UNIVERSITÀ TA’ COIMBRA 730 SENA PORTUGALL 2020). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 360 000 munita
Data tal-ħruġ: Novembru 2020
Is-Slovakkja
Tema: L-20 anniversarju tal-adeżjoni tas-Slovakkja mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)
Deskrizzjoni: In-nofs ta’ fuq tal-lemin tad-disinn tal-ġenb nazzjonali juri rappreżentazzjoni tal-kunċett ta’ umaniżmu diġitali: ċirkuwiti stampati fil-forma ta’ moħħ uman, li fiċ-ċentru tiegħu hemm ċirku li jirrappreżenta mikroproċessur. L-istemma Slovakka qiegħda ħdejn ix-xifer ta’ isfel tal-lemin. Imnaqqxin ġewwa perimetru kwadru li parzjalment jirkeb fuq ix-xbieha ewlenija hemm il-kliem ‘20. VÝROČIE’ u ‘VSTUP SR DO OECD’ (l-20 anniversarju tal-adeżjoni tas-Slovakkja mal-OECD). Taħt il-kwadru huwa l-isem tal-pajjiż emittenti “SLOVENSKO” u s-sena tal-ħruġ “2020”, waħda fuq l-oħra. Bejn il-kwadru u n-naħa tax-xellug tad-disinn tidher il-marka taz-Zekka Kremnica (Mincovňa Kremnica) magħmula mill-inizjali ‘MK’ bejn żewġ forom. Taħt il-marka taz-zekka hemm l-ittri stilizzati ‘PV’ li jirreferu għad-disinjatur Peter Valach. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Novembru 2020
Ċipru
Tema: It-30 anniversarju tal-Istitut Ċiprijott tan-Newroloġija u l-ġenetika
Deskrizzjoni: Id-disinn juri “newron bis-sinapsi tiegħu” b’referenza għall-attivitajiet imwettqa mill-Istitut Ċiprijott tan-Newroloġija u l-Ġenetika, li jiċċelebra 30 sena ta’ eżistenza. l-Istitut Ċiprijott tan-Neuwroloġija u l-Ġenetika jirċievi rikonoxximent internazzjonali u għandu rwol attiv u essenzjali bħala ċentru ta’ eċċellenza nazzjonali, reġjonali u internazzjonali għall-provvista ta’ servizzi ta’ kwalità għolja, ir-riċerka innovattiva u l-edukazzjoni postgradwatorja L-isem tal-pajjiż emittenti "KYΠΡΟΣ – KIBRIS" u l-frażi "ΙΝΣΤΙTOYΤΟ ΝΕΥΡΟΛΟΓΓΑΣ & ΓΕΝΕΤΙKHΣ KYΠΡΟY 1990-2020" (jiġifieri Istitut tan-Newroloġija u l-Ġenetika ta’ Ċipru 1990-2020) huma minquxa fiċ-ċirku madwar id-disinn. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 412 000 munita
Data tal-ħruġ: Ir-raba’ trimestru 2020
Il-Litwanja
Tema: Wirt Kulturali tal-UNESCO – Kryžių kalnas (l-Għolja tas-Slaleb)
Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-Għolja tas-Slaleb: biċċiet ta’ slaleb ta' l-injam u fonduti, li jissimbolizzaw il-Kryždirbystė (l-arti tas-slaleb) Litwan u l-kultura folkloristika. Il-Kryždirbystė u s-simboliżmu tas-salib fil-Litwanja huma inklużi fil-Lista Rappreżentanta tal-UNESCO tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità. L-iskrizzjonijiet li jidhru huma: Isem il-Litwanja ‘LIETUVA’, is-sena tal-ħruġ ‘2020’ fuq nett, “KRYŽIŲ KALNAS” (l-Għolja tas-Slaleb) u l-marka taz-Zekka Litwana fil-qiegħ. Id-disinn huwa realizzat minn Rytas Jonas Belevičius. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 500,000 munita
Data tal-ħruġ: Ir-raba’ trimestru 2020
Il-Finlandja
Tema: Väinö Linna 100 snin
Deskrizzjoni: Il-munita tiċċelebra l-kittieb magħruf Finlandiż defunt Väinö Linna. Din is-sena timmarka l-ċentenarju tat-twelid tiegħu fl-1920. Id-disinn jirrifletti x-xogħol ta’ Linna f’fabbrika tat-tessuti u juri, minbarra wiċċu, ittri bħal drapp u ħjut minsuġa li jgħaddu mill-kotba tiegħu. L-iskrizzjoni VÄINÖ LINNA hija fuq ix-xellug. Fil-qiegħ hemm l-iskrizzjonijiet tas-sena tal-ħruġ “2020”, tal-pajjiż emittenti “FI” u l-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 800 000 munita
Data tal-ħruġ: Settembru-Diċembru 2020
Malta
Tema: Logħob tat-tfal
Deskrizzjoni: Id-disinn juri taħlita ta’ logħob tradizzjonali popolari mat-tfal Maltin. Dawn jinkludu l-boċċi, iż-żugragi u l-produzzjoni tradizzjonali tal-ħamiem tal-karti u t-titjir tagħhom. Tidher ukoll verżjoni Maltija tal-hop-scotch li hija magħrufa lokalment bħala l-‘passju’. Tliet naħliet li jtiru f’ċirku jalludu għall-kanzunetta popolari tat-tfal Maltin waqt il-logħob. Inkluż fid-disinn hemm l-isem tal-pajjiż emittenti ‘Malta’ u s-sena tal-ħruġ, ‘2020’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 220 000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2020
Il-Ġermanja
Tema: Il-50 anniversarju tal-Kniefall von Warschau ta’ Willy Brandt
Deskrizzjoni: Id-disinn juri lil Brandt, li kien il-kanċillier tal-Ġermanja dak iż-żmien, għarkopttejh quddiem il-Monument lill-Eroj tal-Getto f’Varsavja f’ġest ta’ umiltà. Ir-Rewwixta tal-Getto ta’ Varsaja ta’ 1943 huwa evokat minn immaġni qawwija tal-kompożizzjoni. Ittraċċati f’riljev fin ħafna, id-disinn juri simboli qawwijin: menorah b’seba’ fergħat, il-vittmi tal-getto, kif ukoll il-ġenuflessjoni. Il-parti ta’ ġewwa tal-munita tinkludi wkoll l-inizjali tal-artist (fuq), il-marka taz-zekka rispettiva (“A”, “D”, “F”, “G” jew “J”), is-sena, “2020” (ċentru xellug), il-kodiċi tal-pajjiż emittenti tal-Ġermanja, “D” (lemin fil-qiegħ), u l-ittri “50 JAHRE KNIEFALL VON WARSCHAU”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2020
Franza
Tema: Riċerka Medika
Deskrizzjoni: Id-disinn juri il-figurazzjoni tal-bniedem f’unjoni, irrappreżentata minn wiċċ imnaqqax fi sfera. Hija tiffaċċja l-infinitament żgħir, irrappreżentat minn frammenti ta’ DNA imdaħħla f’ċirku. Permezz tal-assi oblikwa tagħha, din l-allegorija tirrappreżenta r-riċerka u l-intelliġenza tagħha li jiddominaw l-infinitament żgħir, l-istudju tiegħu u r-rebħa fuq il-mard. L-indikazzjoni tal-pajjiż emittenti “RF” tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-lemin filwaqt li l-marka taz-zekka u s-sena tal-ħruġ “2020” jinsabu fil-qiegħ tax-xellug. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 300 000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2020
Il-Vatikan
Tema: Il-500 anniversarju tal-mewt ta’ Raphael Sanzio
Deskrizzjoni: Id-disinn fih ritratt ta’ Raphael u żewġ anġli. Fuq il-lemin, f’nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni ‘RAFFAELLO SANZIO’. Fuq ix-xbieha taż-żewġ anġli hemm is-snin ‘1520’ u ‘2020’ u taħtu hemm l-isem tal-pajjiż emittenti ‘CITTA’ DEL VATICANO ’. Fin-naħa tal-lemin hemm il-marka taż-żekka ‘R’ u l-isem tal-artist “D. LONGO”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 101 000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2020
San Marino
Tema: Il-250 anniversarju tal-mewt ta’ Giambattista Tiepolo
Deskrizzjoni: Il-parti tax-xellug tal-munita fiha l-bust ta’ anġlu, dettall mill-pittura ta’ Tiepolo ‘Anġlu jagħti s-Sokkors lil Ħagar’, li jinsab fl-iScuola Grande di San Rocco, Venezja, u l-inizjali tad-disinjatriċi Claudia Momoni ‘C.M.’. Fuq hemm l-iskrizzjoni ‘TIEPOLO’ u l-ittra ‘R’ li tidentifika ż-Żekka ta’ Ruma; fuq il-lemin hemm id-dati 1770 u 2020 u l-iskrizzjoni ‘San Marino’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 54 000 munita
Data tal-ħruġ: Awwissu–Settembru 2020
Il-Finlandja
Tema: Universitajiet u s-soċjetà – Università ta’ Turku 100 sena
Deskrizzjoni: Id-disinn bħal grilja jirrappreżenta l-interazzjoni bejn l-universitajiet u s-soċjetà. Fin-naħa ta’ fuq tad-disinn, hemm is-sena tal-ħruġ ‘2020’, fin-naħa tal-lemin il-marka taż-żekka u taħt il-marka taż-żekka hemm l-indikazzjoni tal-pajjiż emittenti ‘FI’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 800 000 munita
Data tal-ħruġ: Rebbiegħa/Sajf 2020
Andorra
Tema: 50 sena ta' Suffraġju Universali tan-Nisa
Deskrizzjoni: Id-disinn tal-munita juri wiċċ ta’ mara ġewwa tgeżwir ta’ linji li jiċċaqalqu bla tmiem. Dawn il-linji huma ffurmati minn ismijiet femminili fil-lingwa Katalana qrib xulxin, u jagħmluha diffiċli biex taqrahom individwalment, bħala ġieħ lis-solidarjetà tan-nisa fil-ġlieda għad-drittijiet tagħhom. L-iskrizzjonijiet ‘50 ANYS DEL SUFRAGI UNIVERSAL FEMENÍ’ (50 sena ta’ Suffraġju Universali tan-Nisa) u ‘ANDORRA 1970 - 2020’ jikkompletaw id-disinn. Dawn l-iskrizzjonijiet huma inkorporati wkoll fil-moviment tal-linji b’mod li jagħtu iktar importanza lill-anniversarju li qed jiġi mfakkar. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 60 000 munita
Data tal-ħruġ: It-tieni nofs tal-2020
Is-Slovenja
Tema: Il-500 anniversarju tat-twelid ta’ Adam Bohorič
Deskrizzjoni: Id-disinn għandu fil-qalba tiegħu slogan multilingwi mill-qoxra tal-grammatika Latina – Slovena ta’ Bohorič intitolata “Proste zimske urice”. Is-slogan bis-Sloven, miktub bil-bohoričica (it-tip ta’ kitba msemmija wara Adam Bohorič), li jintgħaraf faċilment minħabba l-użu ta’ ittra tipika f, huwa ppożizzjonat fin-nofs ta’ isfel tal-qalba tal-munita. Wara hemm is-slogan Sloven bil-Latin – li jippreżenta l-kontribuzzjoni ta’ Bohorič għall-isfera akkademika internazzjonali. Fin-naħa ta’ fuq f’nofs tond hemm l-iskrizzjoni ‘ADAM BOHORIČ1520 / SLOVENIJA 2020’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita
Data tal-ħruġ: It-tieni nofs tal-2020
Il-Latvja
Tema: Ċeramika Latgaljana
Deskrizzjoni: Il-munita hija ddedikata għall-fuħħar Latgaljan. Il-fuħħar tradizzjonali stabbilixxa ruħu għal perjodi ta’ żmien sostanzjali f’żewġ distretti, Latgale u Kurzeme, iżda f’Latgale biss baqa’ ħaj matul iż-żminijiet u għadda għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Il-fuħħar Latgaljan huwa inkluż ukoll fil-Lista Kanonika Kulturali tal-Latvja. Id-disinn juri biċċa karatteristika taċ-ċeramika Latgaljana - kandelabru tat-tafal. Għandu skrizzjoni ‘LATGALES KERAMIKA’ (ċeramika Latgaljana), l-isem tal-pajjiż ‘LATVIJA’ kif ukoll is-sena tal-ħruġ ‘2020’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 412 000 munita
Data tal-ħruġ: It-tieni trimestru tal-2020
Franza
Tema: Charles de Gaulle
Deskrizzjoni: Id-disinn jirrappreżenta żewġ profili ta’ Charles de Gaulle f'żewġ żminijiet differenti. Il-profil fl-isfond juri lil Charles de Gaulle fl-uniformi ta’ ġeneral tal-armata matul is-sejħa għall-armi tat-18 ta’ Ġunju 1940 jew waqt il-liberazzjoni ta' Pariġi. Il-profil fuq quddiem jirrappreżenta lil Charles de Gaulle matul it-tieni mandat presidenzjali tiegħu. Fl-aħħarnett, ir-referenza RF hija semi-integrata f'salib ta’ Lorena, simbolu ta’ Franza ħielsa magħżula mill-Ġeneral de Gaulle fl-1940. Id-dati tat-twelid u l-mewt tiegħu kif ukoll id-data tas-sena huma wkoll miktuba fis-salib ta’ Lorena. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 18 061 940 munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2020
Andorra
Tema: Is-27 Summit Ibero-Amerikan f'Andorra
Deskrizzjoni: Is-27 Summit Ibero-Amerikan tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern se jsir fil-Prinċipat ta’ Andorra fl-2020. Andorra, l-aktar membru ġdid u l-iżgħar tal-Konferenza Ibero-Amerikana, se tospita din il-laqgħa tal-ogħla livell politiku, li tinkludi 19-il pajjiż tal-Amerika Latina flimkien ma’ Spanja, il-Portugall u l-Andorra, sabiex jaħdmu lejn għanijiet komuni bħall-Iżvilupp Sostenibbli. Id-disinn tal-munita juri siġra magħmula minn siluwetti umani u roti tal-ingranaġġi. Is-siluwetti umani jissimbolizzaw l-integrazzjoni tas-soċjetà, tal-kultura u tal-edukazzjoni għat-twettiq ta’ futur sostenibbli. Ir-roti tal-ingranaġġi jissimbolizzaw is-sinerġija tal-moviment bejn l-ideat u l-proposti tal-parteċipanti għal dan is-Summit. Maġenb is-siġra, hemm il-logo ta’ dan is-27 Summit. Fuq in-naħa ta’ fuq tagħha, tliet trijangoli jirrappreżentaw il-kuluri tal-bandiera Andorrana. Fin-naħa ta’ isfel tagħha, sitt trijangoli jirrappreżentaw il-ftuħ ta’ Andorra lejn Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. Madwar id-disinn, hemm l-iskrizzjoni "XXVII CIMERA IBEROAMERICANA ANDORRA 2020" (is-27 Summit Ibero-Amerikan ta' Andorra 2020). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 73 500 munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2020
Monako
Tema: It-300 anniversarju tat-twelid tal-Prinċep Honoré III
Deskrizzjoni: Dan id-disinn juri x-xbieha tal-Prinċep Honoré III. Fuq ix-xellug hemm l-iskrizzjoni ‘HONORÉ III’ u fuq il-lemin l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘MONACO’. Fin-naħa ta’ isfel, f’nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni “1720 — Naissance — 2020”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 15 000 munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2020
L-Italja
Tema: Il-150 anniversarju tat-twelid ta’ Maria Montessori.
Deskrizzjoni: Ritratt ta’ Maria Montessori f’kompożizzjoni ġeometrika b’xi wħud mill-elementi didattiċi meħudin mis-sistema edukattiva tagħha. Fil-qasam tal-lemin, "RI", l-akronimu tar-Repubblika Taljana; fuq ix-xellug, "R", li tidentifika ż-Żekka ta’ Ruma; fuq il-lemin, "LDS", l-inizjali tad-disinjatriċi Luciana De Simoni; fin-naħa ta’ fuq u ta’ isfel, id-dati '1870' e '2020', is-sena tat-twelid tal-pedagoga Taljana u dak tal-ħruġ tal-munita, rispettivament; madwar ir-ritratt, l-iskrizzjoni "MARIA MONTESSORI". Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 3 000 000 munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2020
Il-Greċja
Tema: 100 snin mill-unjoni tat-Traċja mal-Greċja
Deskrizzjoni: Id-disinn jirreplika munita antika tal-belt Traċja ta’ Abdera, fejn hemm griffun. Minqux tul ix-xifer ta’ ġewwa hemm il-kliem “100 SENA MILL-UNJONI TAT-TRAĊJA MAL-GREĊJA” u “REPUBBLIKA ELLENIKA”, kif ukoll is-sena tal-ħruġ “2020” u palma żgħira (il-marka taz-zekka Griega). Tidher ukoll fuq ix-xellug il-monogramma tal-artist (George Stamatopoulos). Ir-reġjun ta’ Traċja, li jinsab fil-parti tal-grigal tal-pajjiż, ingħaqad mal-Greċja wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita għandu t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 750 000 munita
Data tal-ħruġ: Mejju 2020
Il-Belġju
Tema: Jan van Eyck
Deskrizzjoni: Il-parti ta’ ġewwa tal-biċċa turi r-ritratt tal-artist famuż Fjamming Jan van Eyck, flimkien mal-firma tiegħu u l-paletta tal-pittur li fiha wkoll l-inizjali LL, li tirreferi għad-disinjatur tal-munita, is-sur Luc Luycx u żewġ pniezel. Fuq dan, issib l-isem J. van Eyck. Billi ż-Żekka Rjali Olandiża se tistampa l-muniti, il-marka taż-żekka ta’ Utrecht, bastun ta’ Merkurju jinsab fuq ix-xellug mal-marka taż-żekka tad-direttur Belġjan taż-żekka, l-arma tal-muniċipalità Herzele. Il-kodiċi tal-pajjiż BE u l-marka tas-sena 2020 jinsabu fuq il-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 155 000 munita
Data tal-ħruġ: Mejju 2020
Il-Portugall
Tema: Is-75 anniversarju tan-Nazzjonijiet Uniti
Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-logo tan-NU. Fuq hemm is-sena tal-ħruġ ‘2020’, l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘PORTUGAL’ u l-iskrizzjoni ‘UN 75 YEARS’. Taħt il-kliem ‘UN’ u ‘YEARS’ hemm it-traduzzjoni tagħhom bil-Portugiż ‘ONU’ u ‘ANOS’. Fuq in-naħa tax-xellug hemm l-isem taż-żekka "CASA DA MOEDA" u fuq il-lemin hemm l-isem tal-inċiżur "ANDRÉ LETRIA". Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 510 000 munita
Data tal-ħruġ: Mejju 2020
Malta
Tema: Sit ta’ Wirt Dinji tal-Unesco – it-tempji preistoriċi ta’ Skorba
Deskrizzjoni: Id-disinn juri lil Skorba, tempju preistoriku li jinsab fl-Imġarr ħdejn ir-raħal żgħir taż-Żebbieħ, fil-majjistral ta’ Malta. Il-kumpless jikkonsisti minn żewġ tempji mibnija maġenb xulxin. Dawn kienu nbnew fuq fdalijiet ta’ insedjament ferm aktar antik li ġew skoperti barra l-kumpless tat-tempju. Skorba ma fihiex il-monumentalità tat-tempji l-oħra fil-Gżejjer Maltin. Minkejja dan, is-sit huwa tal-akbar importanza billi ppermetta lill-arkeoloġi biex jistabbilixxu s-sekwenza kulturali preistorika ta’ Malta u jistabbilixxu li l-gżejjer kienu ġew abitati l-ewwel għall-ħabta tal-5 000 QK. L-iskrizzjoni ‘SKORBA TEMPLES 3600-2500 BC’ tidher fil-quċċata tad-disinn. In-naħa ta’ isfel, l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘MALTA’ u s-sena tal-ħruġ ‘2020’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 170 000 munita
Data tal-ħruġ: Mejju 2020
Il-Vatikan
Tema: Il-100 anniversarju tat-Twelid tal-Papa Ġwanni Pawlu II
Deskrizzjoni: Id-disinn jinkludi lill-Papa Ġwanni Pawlu II, id-dar fejn twieled u l-Bażilika ħdejn id-dar tiegħu f'Wadowice, il-Polonja. Fin-naħa ta’ fuq tax-xellug, f’nofs ċirku hemm l-iskrizzjoni ‘PAPA GIOVANNI PAOLO II’. Fuq il-lemin hemm is-snin ‘1920 2020’ u l-marka taż-żekka ‘R’. Fil-parti ta’ isfel, f’nofs ċirku hemm l-iskrizzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ ‘CITTÀ DEL VATICANO’. Taħt l-immaġni tal-Bażilika hemm l-isem tal-artist ‘G. TITOTTO’ u l-inizjali tal-inċiżur ‘M.A.C. INC’ (Maria Angela Cassol, inċiżitriċi). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 101 000 munita
Data tal-ħruġ: Mejju 2020
San Marino
Tema: Il-500 anniversarju tal-mewt ta’ Raphael
Deskrizzjoni: Id-disinn jirriproduċi l-profil tal-Verġni Marija, li hija parti mill-affresk tal-Madonna di Casa Santi, l-ewwel kapolavur ta’ Raffaello żagħżugħ ħafna mpitter fid-dar tal-familja f'Urbino, li issa tospita l-Accademia Raffaello prestiġjuża. L-affresk juri lill-Verġni Marija żżomm lit-tarbija Ġesù f’ħoġorha u hija mimlija bil-ħelwa tal-intimità bejn l-omm u l-iben, tema rikorrenti fix-xogħlijiet artistiċi ta’ Raphael. Fuq il-lemin fin-naħa ta’ fuq, hemm l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘SAN MARINO’ u s-snin tal-ħruġ ’1520’ u ‘2020’. Fil-qiegħ hemm l-iskrizzjoni ‘RAFFAELLO’, fuq il-lemin l-inizjali tad-disinjatriċi Annalisa Masini "AM", u fuq ix-xellug l-ittra ‘R’, li tindika ż-Żekka ta’ Ruma. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 54 000 munita
Data tal-ħruġ: Marzu 2020
Il-Litwanja
Tema: Aukštaitija (mis-sensiela tar-Reġjuni Etnografiċi Litwani)
Deskrizzjoni: Id-disinn jinkludi stemma ta’ kavallier miksi bl-armatura qed iżomm xabla f’idu l-leminija. L-istemma qed tinżamm minn żewġ anġli, li simbolikament qed jeżaltaw u jipproteġu l-Aukštaitija – wieħed mir-reġjuni l-aktar importanti tal-Litwanja u l-benniena tal-istat tagħha. Taħt hemm iskrizzjoni bil-Latin PATRIAM TUAM MUNDUM EXISTIMA (IKKUNSIDRA L-PATRIJA TIEGĦEK BĦALA D-DINJA KOLLHA). Id-disinn huwa mdawwar bl-iskrizzjonijiet: ‘LIETUVA’ (l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ), "AUKŠTAITIJA", is-sena tal-ħruġ ‘2020’ u l-marka taż-żekka taż-Żekka Litwana. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 500,000 munita
Data tal-ħruġ: Marzu 2020
L-Estonja
Tema: Il-biċentinarju mill-iskoperta tal-Antartika
Deskrizzjoni: L-iskoperta hija marbuta mal-Estonja minħabba li wieħed mill-ewwel bnedmin li ra l-Antartika fl-1820 kien Fabian Gottlieb von Bellingshausen, baħri Ġermaniż tal-Baltiku mwieled fi Saaremaa, li ddokumenta l-iskoperta. Id-disinn juri motif ta’ bastiment bil-qlugħ. Għandu wkoll l-iskrizzjonijiet “Fabian Gottlieb von Bellingshausen” u “ANTARKTIKA 200”, l-isem tal-pajjiż "EESTI" u s-sena tal-ħruġ “2020”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 750 000 munita
Data tal-ħruġ: Marzu 2020
Spanja
Tema: Siti ta’ Wirt Kulturali u Naturali Dinji tal-UNESCO – Aragona u l-arkitettura Mudejar ta' Aragona
Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-immaġni tat-torri ta’ El Salvador de Teruel. Fuq in-naħa tax-xellug b’ittri kapitali hemm il-kelma “ESPAÑA” u fuq in-naħa tal-lemin il-marka taż-żekka u taħtha s-sena tal-ħruġ 2020. Fil-parti ta’ fuq fil-parti ċentrali, f’sens ċirkulari u b’ittri kbar il-leġġenda “ARQUITECTURA MUDEJAR DE ARAGÓN”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 4 000 000 munita
Data tal-ħruġ: Frar 2020
Il-Ġermanja
Tema: Brandenburg (is-sensiela Bundesländer)
Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-Palazz ta’ Sanssouci. In-nofs ta’ fuq tas-sezzjoni interna tal-munita tinkludi l-marka taż-żekka rispettiva (“A”, “D”, “F”, “G” jew “J”), l-inizjali tal-artist u s-sena “2020”. Fin-nofs ta’ isfel tal-parti ta’ ġewwa tal-munita hemm l-iskrizzjoni “BRANDENBURG” u l-kodiċi tal-Ġermanja bħala l-pajjiż tal-ħruġ “D”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 30 000 000 munita
Data tal-ħruġ: Frar 2020
Il-Belġju
Tema: Sena Internazzjonali tas-Saħħa tal-Pjanti (IYPH 2020)
Deskrizzjoni: Il-parti interna tal-biċċa turi l-logo uffiċjali tal-IYPH 2020 li jissimbolizza l-weraq u t-test “Sena Internazzjonali tas-saħħa tal-pjanti”. Il-weraq jirrappreżentaw pjanti b’saħħithom bħala s-sors tal-ossiġnu li nieħdu fin-nifs, l-ikel li nieklu u l-ħajja kollha fid-dinja. Din id-dehra pożittiva tal-weraq protetti minn organiżmi ta’ ħsara u mard fatali tifforma ċirku, li jirrappreżenta d-dinja u jenfasizza kif is-saħħa u l-protezzjoni tal-pjanti huma kwistjoni globali. Is-saħħa tal-pjanti hija ċ-ċavetta biex jintemm il-ġuħ, jitnaqqas il-faqar, jitħares l-ambjent u nkabbru l-iżvilupp ekonomiku. Peress li ż-Żekka Rjali Olandiża ser tagħmel il-muniti, il-marka taż-żekka ta’ Utrecht, il-bastun ta’ merkurju jinsab fuq il-lemin. Il-marka taż-żekka tad-direttur taż-żekka Belġjana, l-istemma tal-muniċipalità ta’ Herzele tinsab fuq ix-xellug. Il-kodiċi tal-pajjiż BE u l-marka tas-sena 2020 jinsabu fin-naħa ta’ isfel. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 755 000 munita
Data tal-ħruġ: Frar 2020
L-Estonja
Tema: Iċ-ċentenarju tat-Trattat ta’ Paċi ta’ Tartu
Deskrizzjoni: It-trattat ġie ffirmat bejn l-Estonja u r-Russja Sovjetika fit-2 ta’ Frar 1920, u stabbilixxa l-fruntiera tal-Lvant tal-Estonja, u wassal fi tmiem il-Gwerra tal-Indipendenza. Id-disinn juri siġra bi friegħi li minnhom wieħed jilmaħ il-kliem TARTU RAHU (it-Trattat ta’ Paċi ta’ Tartu). Fih ukoll il-kliem tal-pajjiż “EESTI” u d-data tal-ħruġ it-“2 ta’ Frar 2020”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita
Data tal-ħruġ: Frar 2020
L-Italja
Tema: It-80 Anniversarju mit-Twaqqif tal-“Corpo Nazionale dei Vigili del Fuoco” (il-Korp Nazzjonali għat-Tifi tan-Nar)
Deskrizzjoni: Id-disinn juri, fiċ-ċentru, il-logo tal-Korp Nazzjonali għat-Tifi tan-Nar. Fuq ix-xellug, “RI”, l-akronimu tar-Repubblika Taljana; fuq il-lemin, is-sena tal-ħruġ tal-munita “2020”; “R”, li tidentifika ż-Żekka ta’ Ruma; taħt, “LDS”, l-inizjali tad-disinjatur Luciana De Simoni; fuq, iskrizzjoni b’forma ta’ arkata "CORPO NAZIONALE DEI VIGILI DEL FUOCO". Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 3 000 000 munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2020
Il-Lussemburgu
Tema: Il-200 anniversarju mit-twelid tal-Prinċep Henri
Deskrizzjoni: Id-disinn juri fuq in-naħa tal-lemin ix-xbieha tal-Majestà Rjali Tiegħu, il-Gran Duka Henri, u fuq ix-xellug ix-xbieha tal-Prinċep Henri. Fin-naħa ta’ isfel, l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita “LUXEMBOURG” u s-sena/data tal-ħruġ “2020”. Fuq ix-xellug, f’forma ta’ nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni “Prince Henri d’Orange-Nassau” u taħt ix-xbieha tiegħu hemm l-iskrizzjoni “1820 - 1879”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 500,000 munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2020
Il-Greċja
Tema: 2 500-il sena mill-Battalja ta’ Termopili
Deskrizzjoni: Id- disinn juri elmu Grieg antik. Minqux madwar ix-xifer ta’ ġewwa fuq ix-xellug hemm il-kliem ‘2500 SENA MIL-BATTALJA TA’ TERMOPILI’ u ‘REPUBBLIKA ELLENIKA’. Fuq l-isfond hemm ukoll il-kitba tas-sena tal-ħruġ "2020" u fuq il-lemin hemm palma żgħira (il-marka taz-zekka Griega). Fin-naħa ta’ isfel u fuq il-lemin tad-disinn tidher il-monogramma tal-artist (Georgios Stamatopoulos). Għalkemm spiċċat f’telfa għall-Griegi, il-Battalja ta’ Termopili tibqa’ simbolu dejjiemi ta’ reżistenza erojka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 750 000 munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2020