- IL-BLOG TAL-BĊE
Nagħżlu li nisfidaw ir-rwol tan-nisa fid-dar, fix-xogħol u fis-soċjetà tagħna
Blog post ta’ Christine Lagarde, President tal-BĊE
8 ta’ Marzu 2021
Hekk kif il-pandemija COVID-19 ħakmet id-dinja kollha, din l-aħħar sena kienet waħda ta’ sagrifiċċju. Kien hemm wisq nies li tilfu ħajjithom, il-maħbubin tagħhom. Oħrajn issieltu bis-sħiħ biex ikampaw – fiżikament, emozzjonalment u finanzjarjament.
Sena wara l-pandemija, nistgħu naraw b’mod ċar li l-impatt soċjali u ekonomiku tal-virus qed jaffettwa partikolarment lin-nisa b’mod iebes. In-nisa jaħdmu b’mod sproporzjonat fis-setturi li ntlaqtu l-agħar mill-virus. X’aktarx ikunu l-aktar f’xogħol informali li ma jidħolx fl-ambitu tal-programmi ta’ appoġġ tal-gvern. U ħafna nisa tħallew jitħabtu biex jieħdu ħsieb membri tal-familja żgħar u anzjani waqt li kienu qed jipprovaw iżommu l-karriera tagħhom fit-triq it-tajba.
Dawn l-iżviluppi għandhom il-potenzjal inkwetanti li jreġġgħu lura l-progress diffiċli li sar fl-ugwaljanza bejn is-sessi. M’għandniex inħallu dan iseħħ.
Iżda hemm ukoll tama għall-bidla. Kriżijiet eżistenzjali jħarbtu l-mod kif ngħixu ħajjitna u jqanqluna biex nirriflettu xi ftit fuq il-valuri tagħna. Il-pandemija mhux biss fetħet għajnejna għal dgħufijiet sinifikanti fis-soċjetà tagħna – sfurzatna wkoll nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti. U dan huwa fejn nara potenzjal biex l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar.
Huwa għalhekk li llum, fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa, nistieden lilna lkoll – kemm nisa kif ukoll irġiel – biex nagħżlu li jisfidaw il-mudelli antiki u nadottaw oħrajn ġodda, aktar adattati għall-ħtiġijiet tagħna llum. Għandna x-xogħol lest għalina, id-dar, fuq il-post tax-xogħol u biex immexxu ’l quddiem.
Ix-xogħol jibda d-dar, il-qalb u ċ-ċentru tal-ħajja kollha tagħna waqt il-konfinament. Il-pandemija enfasizzat b’mod ċar l-iżbilanċ f’xogħol mhux imħallas bejn in-nisa u l-irġiel. Iżda wrietna wkoll li l-imsieħba jistgħu jżidu l-pass. F’ċerti familji, il-missirijiet – li huma stess kellhom jaħdmu mid-dar jew tpoġġew fuq ħinijiet ta’ xogħol imnaqqsa – saru l-indokraturi primarji, filwaqt li l-ommijiet ħadmu f’impjiegi essenzjali barra d-dar.
Waqfa bħal din min-normi tradizzjonali, jekk tibqa’, għandha l-potenzjal li tillibera lin-nisa biex jissodisfaw l-ambizzjonijiet tagħhom bnadi oħra – fuq ix-xogħol jew fil-ħajja tal-komunità. Parteċipazzjoni akbar tan-nisa fix-xogħol – appoġġjata minn servizzi pubbliċi adegwati ta’ kura tat-tfal u arranġamenti flessibbli ta’ ħin tax-xogħol għan-nisa u l-irġiel – tkun pass kbir lejn it-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Bħala medja, in-nisa fl-UE jaqilgħu kważi 14.1% inqas fis-siegħa mill-irġiel.[1] Meta jikbru f’dar fejn il-faċendi jinqasmu b’mod aktar ugwali, it-tfal jingħataw idea aktar ekwa tar-rwoli tal-familja milli dik tal-ġenerazzjonijiet preċedenti.
Il-ħidma tkompli fuq il-post tax-xogħol. Il-pandemija fakkritna wkoll fir-rwol professjonali kruċjali li n-nisa għandhom fis-soċjetà. Minn madwar 18-il miljun ħaddiem fil-kura tas-saħħa u ħaddiema soċjali fiż-żona tal-euro, tliet kwarti huma nisa, b’sehem simili ta’ nisa li jaħdmu fl-edukazzjoni. Iż-żewġ setturi kienu indispensabbli matul il-pandemija. Issa li rajna l-valur veru ta’ dawn l-impjiegi għas-soċjetà, dawn għandhom jiġu rrikonoxxuti u mħallsa kif xieraq.
Madankollu, neħtieġu wkoll aktar nisa li jaħdmu fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. L-ewwel nett rappreżentanza aktar qawwija ta’ nisa f’dan ix-xogħol imħallas aħjar jgħin biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Iżda l-impjiegi f'dawn l-oqsma huma wkoll muturi ewlenin tal-innovazzjoni u huma fundamentali għat-tranżizzjoni għal ekonomija aktar diġitali u aktar sostenibbli.
Għalhekk, ejjew nagħżlu li nisfidaw il-karrieri stabbiliti – inħeġġu lin-nisa u lit-tfajliet javvanzaw fejn s’issa laħqu ftit wisq nisa. Fil-BĊE, illum qed inniedu ċ-ċiklu li jmiss tal-Boroż ta’ Studju tan-Nisa fl-Ekonomija, li għandu l-għan li jindirizza r-rappreżentanza baxxa tan-nisa f’dan il-qasam.
Ix-xogħol jissokta fit-tmexxija. Il-pandemija wrietna l-valur tat-tmexxija femminili, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi. Ir-riċerka li saret matul il-pandemija wriet li n-nisa ġew ikklassifikati minn dawk li ħadmu magħhom bħala mexxejja aktar effettivi mill-irġiel. Il-mexxejja nisa kienu aħjar biex jinvolvu ruħhom mal-impjegati tagħhom.[2]
Madankollu 18.5% biss ta’ kapijiet tal-gvern tal-UE huma nisa.[3] Għalkemm jirrappreżentaw aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-UE (51%), in-nisa jiffurmaw mhux aktar minn terz tal-parlamentari nazzjonali.[4] L-ebda wieħed mill-banek ċentrali taż-żona tal-euro, li l-gvernaturi tiegħu jinħatru mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom, ma huwa mmexxi minn gvernatur mara.
Fil-bordijiet korporattivi, is-sehem tan-nisa huwa baxx bl-istess mod. Mhux aktar minn 7.5 % tal-kapijiet eżekuttivi fl-akbar kumpaniji kkwotati Ewropej huma nisa.[5]
Fil-BĊE, aħna aktar milli rdoppjajna s-sehem ta’ maniġers anzjani nisa bejn l-2013 u l-2019 u issa qed nimmiraw li sal-2026 dan is-sehem jiżdied aktar għal 40%.
Għalhekk, ejjew nagħżlu li nisfidaw il-mod kif immexxu u nġibu aktar diversità fil-kmamar tal-bordijiet, fil-parlamenti u fil-gvernijiet tagħna. Il-qsim tax-xogħol id-dar b’mod aktar ugwali u l-ftuħ ta’ aktar karrieri għan-nisa se jagħtu s-setgħa lin-nisa biex jikkontribwixxu dejjem aktar għall-ħajja tal-komunità, jinvolvu ruħhom fil-politika u jsiru l-vuċi għal ħafna li hemm bżonn li jinstemgħu.
Mela nimxu ’l quddiem biex nirnexxu sabiex noħorġu minn din il-pandemija flimkien bħala soċjetà aktar b’saħħitha, aktar ekwa u aktar sostenibbli.
Dan il-blog post deher bħala artikolu ta’ opinjoni fil-pubblikazzjonijiet li ġejjin: Kurier (Awstrija), De Tijd u L’Echo (Belġju), Sigmalive.com (Ċipru), ERR (Estonja), Helsingin Sanomat (Finlandja), L’Opinion (Franza), Redaktionsnetzwerk Deutschland (Ġermanja), LiFO.gr (Greċja), Corriere della Sera (Italja), Delfi.lv (Latvja), LRT (Litwanja), Times of Malta (Malta), Diário de Notícias u Jornal de Notícias u Dinheiro Vivo (Portugall), Denník N (Slovakkja), u El Confidencial (Spanja).
- “Gender pay gap in unadjusted form ” [Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi f’forma mhux aġġustata], Eurostat.
- Zenger, J. u Folkman, J. (2020), “Women Are Better Leaders During a Crisis”, Harvard Business Review, Diċembru.
- Fost l-UE 27 id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, u l-Litwanja għandhom kapijiet tal-Gvern nisa.
- Dejtabase tal-Istatistika skont is-Sessi, Members of parliament/assembly (count includes the president) at end-2020, [Membri tal-parlament/assemblea (l-għadd jinkludi lpresident) sal-aħħar tal-2020], Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.
- Dejtabase tal-Istatistika skont is-Sessi, Largest listed companies: CEOs and executives at end-2020, [L-akbar kumpaniji kkwotati: CEOs u kariġi eżekuttivi sal-aħħar tal-2020], Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.