Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jniedi kompetizzjoni tad-disinn għall-karti tal-flus tal-euro futuri

15 ta' Lulju 2025

  • Id-disinjaturi minn madwar l-Ewropa huma mistiedna japplikaw, mill-15 ta’ Luljju 2025
  • Il-pjattaforma għall-applikazzjonijiet hija miftuħa sat-18 ta’ Awwissu 2025
  • Id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar id-disinn finali hija mistennija sa tmiem l-2026 wara stħarriġ pubbliku

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum nieda kompetizzjoni pubblika għad-disinn tal-karti tal-flus tal-euro futuri – il-pass li jmiss fil-proċess tad-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE diġà għażel żewġ temi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri wara li kkonsulta lill-esperti u lill-pubbliku. Dawn huma: “Kultura Ewropea”, li tiffoka fuq spazji kulturali kondiviżi u Ewropej importanti; u “Xmajjar u għasafar”, b’enfasi fuq ir-reżiljenza u d-diversità tal-ekosistemi naturali tal-Ewropa. F'Jannar il-Kunsill Governattiv għażel ukoll motifi biex juri ż-żewġ temi possibbli.

Il-kompetizzjoni tad-disinn, li hija miftuħa għal disinjaturi grafiċi residenti fl-Unjoni Ewropea, għandha l-għan li tidentifika l-aħjar proposti tad-disinn għall-karti tal-flus tal-euro futuri. Il-kompetizzjon se tipproċedi f’żewġ fażijiet, fażi ta’ applikazzjoni u fażi tal-proposta tad-disinn. Matul il-fażi tal-applikazzjoni, id-disinjaturi jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi elenkati fl-avviż tal-kompetizzjoni. L-applikanti se jiġu vvalutati abbażi tal-kwalifiki u l-kisbiet tagħhom.
Id-disinjaturi magħżula se jiġu mistiedna jipparteċipaw fit-tieni fażi u jissottomettu l-proposti tad-disinn tagħhom. Grupp ta’ esperti indipendenti – il-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn – se jevalwa l-proposti u jagħżel sa ħamsa għal kull tema.

“L-euro huwa aktar minn munita – jissimbolizza l-unità u d-diversità Ewropea. Permezz ta’ dan il-konkors, nistiednu lid-disinjaturi madwar l-Ewropa biex isawru l-futur tal-karti tal-flus tagħna biex jirriflettu l-identità kulturali u l-wirt naturali komuni tagħna,” qalet il-President tal-BĊE Christine Lagarde.

Wara li jintemm il-konkors, il-pubbliku jiġi mistieden jipprovdi feedback dwar id-disinji magħżula. Il-Kunsill Governattiv mistenni jiddeċiedi dwar id-disinn finali sa tmiem l-2026. Il-karti tal-flus il-ġodda se jkunu lesti biex jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni xi snin wara din id-deċiżjoni u wara l-proċess tal-produzzjoni. Għal informazzjoni dettaljata dwar il-konkors, jekk jogħġbok irreferi għas-sit web tal-BĊE u għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-disinjaturi interessati li jipparteċipaw huma mistiedna jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sa 12:00 CET fit-18 ta’ Awwissu.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Alessandro Speciale, tel.: +49 69 172 1670791, or Benoit Deeg, tel.: +49 172 1683704.

Noti

  • Huwa d-dmir tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro li jiżguraw li l-karti tal-flus tal-euro jibqgħu mezz ta' ħlas innovattiv, sigur u effiċjenti. L-iżvilupp regolari ta' serje ġdida ta' karti tal-flus hija prattika standard għall-banek ċentrali kollha. F'dinja fejn it-teknoloġiji tar-riproduzzjoni tal-karti tal-flus qed jevolvu b'mod rapidu u l-falsifikaturi jistgħu jaċċessaw faċilment l-informazzjoni u l-materjali, huwa meħtieġ li jinħarġu karti tal-flus ġodda fuq bażi regolari. Lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà, il-BĊE huwa impenjat li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, filwaqt li jagħmilhom aktar relatabbli u inklużivi għall-Ewropej ta' kull età u sfond, inklużi gruppi vulnerabbli bħall-persuni b'vista batuta. Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna tal-Karti tal-flus futuri fil-websajt tal-BĊE.
  • It-tema attwali tal-karti tal-flus tal-euro hija “Żminijiet u stili” u l-motifi ewlenin fuq kull karta tal-flus huma twieqi, bibien u pontijiet ibbażati fuq stili arkitettoniċi minn diversi perjodi fl-istorja tal-Ewropa. Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna Elementi tad-Disinn fil-websajt tal-BĊE.
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja