Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Luis de Guindos
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE

Ljubljana, 17 ta’ Ottubru 2024

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Nixtieq nirringrazzja lill-Gvernatur Vasle għall-ospitalità ġeneruża tiegħu u nesprimi l-gratitudni speċjali tagħna lejn l-istaff tiegħu għall-organizzazzjoni eċċellenti tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha nidderieġu l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. L-informazzjoni li daħlet dwar l-inflazzjoni turi li l-proċess diżinflazzjonarju miexi sew. Il-prospettiva tal-inflazzjoni hija affettwata wkoll minn sorpriżi ta’ tnaqqis reċenti fl-indikaturi tal-attività ekonomika. Sadanittant, il-kundizzjonijiet tal-finanzjament jibqgħu restrittivi.

L-inflazzjoni hija mistennija li tiżdied fix-xhur li ġejjin, qabel ma tonqos għall-mira matul is-sena d-dieħla. L-inflazzjoni domestika tibqa’ għolja hekk kif il-pagi għadhom qegħdin jogħlew b’ritmu elevat. Fl-istess ħin, il-pressjonijiet tal-kost lavorattiv huma mistennija li jkomplu jbattu gradwalment, bil-profitti jtaffu parzjalment l-impatt tagħhom fuq l-inflazzjoni.

Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Se nżommu r-rati tal-politika restrittivi biżżejjed għal kemm ikun meħtieġ sabiex tinkiseb din il-mira. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data u fuq bażi ta’ laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul taż-żmien tat-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nintrabtu minn qabel dwar xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-informazzjoni li daħlet tissuġġerixxi li l-attività ekonomika kienet pjuttost aktar dgħajfa milli kien mistenni. Filwaqt li l-produzzjoni industrijali kienet partikolarment volatili matul ix-xhur tas-sajf, l-istħarriġiiet jindikaw li l-manifattura kompliet tonqos. Għas-servizzi, l-istħarriġiet juru żieda f’Awwissu, aktarx appoġġati minn staġun ta’ turiżmu b’saħħtu fis-sajf, iżda l-aħħar data tindika tkabbir aktar bil-mod. In-negozji qegħdin jespandu l-investiment tagħhom biss bil-mod, filwaqt li l-investiment fid-djar ikompli jonqos. L-esportazzjonijiet iddgħajfu, speċjalment għall-prodotti.

Għalkemm l-introjtu żdied fit-tieni trimestru, l-unitajiet domestiċi kkunsmaw inqas, għall-kuntrarju ta’ dak li kien mistenni. Ir-rata tat-tfaddil kienet ta’ 15.7 fil-mija fit-tieni trimestru, ferm ogħla mill-medja ta’ qabel il-pandemija ta’ 12.9 fil-mija. Fl-istess ħin, l-evidenza minn stħarriġ reċenti tindika rkupru gradwali fl-infiq tal-unitajiet domestiċi.

Is-suq tax-xogħol jibqa’ reżiljenti. Ir-rata tal-qgħad baqgħet f’livell storikament baxx ta’ 6.4 fil-mija f’Awwissu. Madankollu, l-istħarriġiet jindikaw tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir fl-impjiegi u moderazzjoni ulterjuri fid-domanda għall-ħaddiema.

Nistennew li l-ekonomija tissaħħaħ maż-żmien, hekk kif id-dħul reali li qiegħed jiżdied jippermetti lill-unitajiet domestiċi biex jikkunsmaw aktar. L-effetti tal-politika monetarja restrittiva li qegħdin ibattu gradwalment għandhom jappoġġaw il-konsum u l-investiment. L-esportazzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għall-irkupru hekk kif id-domanda globali tiżdied.

Il-politiki fiskali u strutturali għandhom ikunu mmirati biex l-ekonomija ssir aktar produttiva, kompetittiva u reżiljenti. Dan għandu jgħin biex fuq żmien medju jiżdied it-tkabbir potenzjali u jitnaqqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, huwa kruċjali li jsir segwitu b’ħeffa, permezz ta’ politiki strutturali konkreti u ambizzjużi, fir-rigward tal-proposti ta’ Mario Draghi biex tittejjeb il-kompetittività Ewropea u l-proposti ta’ Enrico Letta għat-tisħiħ tas-Suq Uniku. L-implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika rivedut tal-UE b’mod sħiħ, b’mod trasparenti u mingħajr dewmien se tgħin lill-gvernijiet inaqqsu d-defiċits baġitarji u l-proporzjonijiet tad-dejn fuq bażi sostnuta. Il-gvernijiet issa għandhom jagħtu bidu b’saħħtu f’din id-direzzjoni fil-pjanijiet tagħhom fuq żmien medju għall-politiki fiskali u strutturali.

Inflazzjoni

L-inflazzjoni annwali kompliet taqa’ aktar għal 1.7 fil-mija f’Settembru, l-aktar livell baxx sa minn April tal-2021. Il-prezzijiet tal-enerġija naqsu drastikament, b’rata annwali ta’ -6.1 fil-mija. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel żdiedet bi ftit għal 2.4 fil-mija. L-inflazzjoni tal-prodotti baqgħet imrażżna, b’0.4 fil-mija, filwaqt li l-inflazzjoni tas-servizzi naqset kemmxejn għal 3.9 fil-mija.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti jew naqsu jew baqgħu l-istess. L-inflazzjoni domestika għadha elevata, hekk kif il-pressjonijiet tal-pagi fiż-żona tal-euro jibqgħu b’saħħithom. It-tkabbir negozjat tal-pagi se jibqa’ għoli u volatili matul il-kumplament tas-sena, minħabba r-rwol sinifikanti tal-ħlasijiet ta’ darba f’xi pajjiżi u n-natura tal-aġġustamenti tal-pagi li jsiru f’fażijiet.

L-inflazzjoni hija mistennija li togħla fl-aħħar parti ta’ din is-sena, parzjalment għaliex it-tnaqqis qawwi preċedenti fil-prezzijiet tal-enerġija se jaqa’ mir-rati annwali. L-inflazzjoni mbagħad għandha tonqos għall-mira matul is-sena li ġejja. Il-proċess ta’ diżinflazzjoni għandu jiġu appoġġat hekk kif il-pressjonijiet tal-kost lavorattiv li qegħdin ibattu u l-issikkar fil-passat tal-politika monetarja gradwalment jaffettwaw il-prezzijiet tal-konsumaturi. Il-biċċa l-kbira tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal jinsabu f’madwar 2 fil-mija.

Valutazzjoni tar-riskji

Ir-riskji għat-tkabbir ekonomiku jibqgħu mxaqilba lejn it-tnaqqis. Il-kunfidenza aktar baxxa jistgħu jipprevjenu l-konsum u l-investiment milli jirkupraw b’rata mgħaġġla daqs kemm huwa mistenni. Dan jista’ jkun amplifikat minn sorsi ta’ riskju ġeopolitiku, bħall-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukraina u l-kunflitt traġiku fil-Lvant Nofsani, li wkoll jistgħu jfixklu l-provvisti tal-enerġija u l-kummerċ globali. Id-domanda aktar baxxa għall-esportazzjonijiet fiż-żona tal-euro minħabba, pereżempju, ekonomija dinjija aktar dgħajfa jew eskalazzjoni fit-tensjonijiet kummerċjali bejn l-ekonomiji ewlenin, tkun ta’ piż ulterjuri fuq it-tkabbir taż-żona tal-euro. It-tkabbir jista’ jkun ukoll aktar baxx jekk l-effetti mdewma tal-issikkar tal-politika monetarja jirriżultaw li huma aktar b’saħħithom milli mistenni. It-tkabbir jista’ jkun ogħla jekk l-ekonomija dinjija tikber b’mod aktar b’saħħtu milli huwa mistenni jew jekk il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament eħfef u t-tnaqqis fl-inflazzjoni jwasslu għal irkupru aktar malajr tal-konsum u l-investiment.

L-inflazzjoni tista’ tkun ogħla milli mistenni jekk il-pagi jew il-profitti jiżdiedu b’aktar milli huwa mistenni. Ir-riskji ta’ żieda fl-inflazzjoni jirriżultaw ukoll mit-tensjonijiet ġeopolitiċi li qegħdin jiżdiedu, li jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-enerġija u l-ispejjeż tal-merkanzija fuq perjodu fil-qrib u jfixklu l-kummerċ globali. Barra minn hekk, l-avvenimenti ta’ temp estrem, u l-kriżi tal-klima li qiegħda tiżvolġi b’mod aktar estiż, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel. B’kuntrast, l-inflazzjoni tista’ tkun aktar baxxa milli huwa mistenni jekk il-kunfidenza baxxa u t-tħassib dwar l-avvenimenti ġeopolitiċi jipprevjenu l-konsum u l-investiment milli jirkupraw malajr daqs kemm hu mistenni, jekk il-politika monetarja trażżan id-domanda aktar milli huwa mistenni, jew jekk l-ambjent ekonomiku jmur għall-agħar b’mod mhux mistenni.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

Ir-rati tal-imgħax tas-suq fuq żmien iqsar naqsu sa mil-laqgħa tagħna ta’ Settembru, l-aktar minħabba aħbarijiet aktar dgħajfin dwar l-ekonomija taż-żona tal-euro u t-tnaqqis ulterjuri fl-inflazzjoni. Filwaqt li l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jibqgħu restrittivi, ir-rati medji tal-imgħax fuq selfiet ġodda lin-negozji u fuq selfiet ġodda għad-djar niżlu kemmxejn f’Awwissu, għal 5.0 fil-mija u 3.7 fil-mija rispettivament.

L-istandards għall-kreditu għas-selfiet lin-negozji baqgħu l-istess fit-tielet trimestru, kif huwa rrapportat fl-aħħar stħarriġ tagħna dwar it-tislif mill-banek, wara aktar minn sentejn ta’ ssikkar progressiv. Barra minn hekk, id-domanda għal selfiet min-negozji żdied għall-ewwel darba f’sentejn. It-tislif ġenerali lin-negozji jibqa’ mrażżan, u kiber b’rata annwali ta’ 0.8 fil-mija f’Awwissu.

L-istandards tal-kreditu għas-selfiet għax-xiri ta’ djar illaxkaw għat-tielet trimestru konsekuttiv, b’mod speċjali minħabba l-kompetizzjoni akbar bejn il-banek. Ir-rati tal-imgħax aktar baxxi u l-prospetti aħjar tas-suq tad-djar wasslu għal żieda qawwija fid-domanda għas-selfiet għax-xiri ta’ djar. B’mod konformi ma’ dan, it-tislif għax-xiri ta’ djar żdied kemmxejn, hekk kif kiber b’rata annwali ta’ 0.6 fil-mija.

Konklużjoni

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha nidderieġu l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Se nżommu r-rati tal-politika restrittivi biżżejjed għal kemm ikun meħtieġ sabiex tinkiseb din il-mira. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data u fuq bażi ta’ laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul taż-żmien tat-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nintrabtu minn qabel dwar xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja