Il-BĊE qiegħed “jesproprja” lil min ifaddal?
18 ta' Mejju 2015 (aġġornat fil-25 ta’ Awwissu 2021)
Il-politika ta’ rati tal-imgħax baxxi tal-Bank Ċentrali Ewropew hija taxxa fuq min ifaddal? L-akkuża normalment hija din: il-bank ċentrali tant baxxa r-rata ewlenija li ċ-ċittadini komuni m’għadhomx jieħdu mgħax fuq it-tfaddil tagħhom. Bir-rati tal-imgħax baxxi, is-self raħas għal min irid jissellef. U fl-aħħar mill-aħħar, il-kredituri jibqgħalhom ftit li xejn. It-tort huwa tal-bank ċentrali. Sar studju li joħroġ il-verità.
L-istudju juri li fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex il-bank ċentrali li jiddeċiedi d-dħul reali ta’ min ifaddal, jiġifieri wara li titqies l-inflazzjoni. Iktar minn hekk, ir-rata reali tar-redditu fuq l-investimenti għal żmien medju tiddependi minn kemm tkun intraprendenti u żagħżugħa l-ekonomija, kemm ikunu tajbin it-toroq u infrastrutturi oħra, kemm ikun flessibbli s-suq tax-xogħol u kemm il-politika tal-gvern taġevola t-tkabbir. Hija l-ekonomija reali li tiġġenera r-redditi reali. Il-bank ċentrali jgħin f’dan billi jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet, skont l-awturi tal-istudju, Ulrich Bindseil (BĊE), Jörg Zeuner (KfW) u Clemens Domnick (KfW). Kieku l-BĊE kellu jħaddem deliberatament politika monetarja li ma tkunx xierqa, dan iżid ifixkel l-ekonomija u l-prospetti fit-tul fuq il-qligħ għal min ifaddal.
Għal kull min ifaddal fiż-żona tal-euro, id-dgħufija ekonomika u r-rati tal-imgħax baxxi marbutin magħha huma sors ta’ tħassib serju. Redditi baxxi jfissru li trid iddum iżjed biex tfaddal l-ammont mixtieq. Għandu mnejn ikollok tipposponi li tixtri karozza, jew ikollok twarrab aktar flus sabiex tikseb l-istess pensjoni supplimentari privata fi xjuħitek. Iżda dak li jgħodd f’dan ir-rigward mhuwiex kemm tkun għolja r-rata tal-imgħax nominali fuq l-investiment. Ħafna iżjed importanti huwa kemm ikun ir-redditu fuq it-tfaddil wara li jitnaqqas id-deprezzament monetarju minħabba l-inflazzjoni. L-awturi tal-istudju Critique of accommodating central bank policies (Analiżi kritika tal-politika akkomodanti ta’ bank ċentrali), ippubblikat mill-BĊE, jagħmlu din id-distinzjoni. Juru li l-bank ċentrali jinfluwenza r-rati tal-imgħax nominali, i.e. mingħajr ma titqies l-inflazzjoni. Ulrich Bindseil, Jörg Zeuner u Clemens Domnick jgħidu li, madankollu, ir-redditi reali deċiżivi għal min ifaddal jiddependu minn fatturi reali, bħall-innovazzjoni, id-demografija u s-swieq tax-xogħol.
Huma jsostnu li l-politika monetarja tista’ tinfluwenza r-redditi reali b’mod limitat għal żmien qasir biss, għal sena jew tnejn. Iżda dan iż-żmien qasir mhuwiex deċiżiv għall-biċċa l-kbira ta’ dawk li jfaddlu. Għal żmien fit-tul, politika monetarja restrittiva fi żminijiet ta’ dgħufija ekonomika u rati tal-inflazzjoni baxxi hija iżjed ta’ ħsara għal min ifaddal, billi l-ekonomija tkompli tiddgħajjef, u magħha tiddgħajjef ukoll il-possibbiltà li jinkisbu redditi reali ogħla. Fi kliem ieħor, mhux iż-żidiet kollha fir-rati tal-imgħax huma tajbin għal min ifaddal. Rati tal-imgħax li jkunu għoljin wisq fi żminijiet ta’ dgħufija ekonomika jistgħu jwasslu biex min ifaddal jirċievi kemxejn iżjed flus għal żmien qasir, iżda jitlef ħafna iżjed fit-tul.
Politika monetarja ħażina tista’ tikkawża instabbiltà u tħarbat l-ekonomija, skont dan l-istudju. Politika monetarja tajba, min-naħa l-oħra, hija waħda mill-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli u stabbli. Madankollu ma tinfluwenzax ir-redditi reali fuq l-investiment għal żmien medju u fit-tul. U anki li kieku tista’, il-kompitu tal-BĊE huwa li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet. Biex jasal għal dan, il-BĊE jipprova jżomm rata tal-inflazzjoni annwali kemxejn taħt 2%.
L-awturi tal-istudju jwissu li l-istorja turi x’jiġri meta bank ċentrali jabbanduna dan l-għan u jħaddem politika monetarja li ma tkunx xierqa bla ma jqis l-inflazzjoni jew l-istat tal-ekonomija. Matul u eżatt wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, id-Deutsche Reichsbank, minkejja x-xokk tad-domanda kkawżat mill-gwerra u minkejja li r-rati tal-inflazzjoni baqgħu jogħlew, żamm rata tal-imgħax ewlenija li kienet baxxa wisq. Ir-riżultat wassal għal iperinflazzjoni. Il-Ġermanja għaddiet ukoll mill-esperjenza opposta: fil-bidu tas-snin 1930, ir-Reichsbank għolla r-rati tal-imgħax minkejja li l-ekonomija kienet falluta u l-prezzijiet bdew jonqsu drastikament. Ir-riżultat wassal għal spiral negattiv u dipressjoni li baqgħet tiggrava.
L-awturi tal-istudju jikkonkludu li l-politika monetarja ma tistax tindika t-triq li toħorġok mill-fażi ta’ tkabbir ekonomiku baxx u r-rata tal-imgħax baxxa konsegwenti fuq it-tfaddil taċ-ċittadini. Fost il-proposti tagħhom hemm titjib fl-inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp, edukazzjoni aħjar, integrazzjoni aktar mgħaġġla tal-immigranti fis-suq tax-xogħol u titjib fil-kundizzjonijiet għall-investiment privat. Politika tal-gvern bħal din li tgħin it-tkabbir tista’ ssaħħaħ l-ekonomija reali. Hekk biss, jgħidu l-awturi, jistgħu ċ-ċittadini taż-żona tal-euro jittamaw li jerġgħu jibdew jieħdu redditi ogħla fuq it-tfaddil tagħhom.
Aġġornat f’Awwissu 2021 biex jirrifletti l-eżitu tar-reviżjoni tal-istrateġija fl-2020-21.