Kif tibbenefika mill-euro?
14 ta’ Novembru 2018 (aġġornat fil-11 ta’ Diċembru 2023)
Int tagħmel parti minn 350 miljun ruħ li lkoll jużaw munita unika. L-euro huwa parti importanti mill-ħajja ta’ kuljum tiegħek – huwa fil-kartiera tiegħek u fil-kont bankarju tiegħek. Iżda huwa ferm iktar minn mod konvenjenti ta’ kif tħallas. Jippermettilek tiffranka l-flus u tinvesti b’fiduċja. Jagħmilha eħfef għalina biex ngħixu, naħdmu u nistudjaw f’pajjiż ieħor taż-żona tal-euro. U dan jgħinek biex issegwi l-ħolm u l-ambizzjonijiet tiegħek.
Issa l-euro ilu fiċ-ċirkolazzjoni 25 sena u f’dan iż-żmien intwera li hu munita stabbli u fdata. Flimkien mal-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, il-BĊE jieħu ħsieb l-euro sabiex inti tkun tista’ tħossok kunfidenti li flusek huma sikuri, u sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-vantaġġi kollha li jġib miegħu l-euro — kemm issa kif ukoll fil-futur.
Stabbiltà u prosperità
Ħafna nies jixtiequ li jkollhom xogħol tajjeb li jappoġġa lilhom u lill-familja tagħhom. Aħna lkoll nibbażaw fuq flus stabbli u fuq sistema bankarja soda biex inkunu nistgħu nippjanaw il-futur tagħna.
U dan huwa fejn jidħol il-BĊE. Naħdmu biex inżommu l-prezzijiet stabbli, nagħtu lin-nies il-kunfidenza li jinvestu jew ifaddlu. L-istabbiltà tal-prezzijiet hija prekundizzjoni għall-prosperità u għal futur ekonomikament stabbli li jista’ jiġi ppjanat minn qabel. Prezzijiet stabbli jfissru li flusek se jżommu l-valur tagħhom u li l-kumpaniji jistgħu jinvestu u jikbru.
Il-valur tal-unità
L-euro mhuwiex biss munita. Biddel il-mod kif nagħmlu n-negozju u sar parti integrali mill-identità tagħna, u għaqqad komunitajiet diversi ta’ nies fiż-żona tal-euro. Huwa sors ta’ kumdità u sigurtà, u jfakkarna li aħna parti minn familja akbar fl-Ewropa.
Aħna ngħaqadna flimkien biex niffurmaw l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja — l-UE — u noħolqu s-suq uniku għall-Ewropa. L-euro żied l-integrazzjoni Ewropea billi ppermetta lin-nies li jgħixu fiż-żona tal-euro biex jaħsdu l-benefiċċji tas-suq uniku.
L-euro jagħmilha faċli
Tista’ tuża l-flus kontanti tal-euro fil-kartiera tiegħek f’20 pajjiż tal-UE mingħajr ma jkollok għalfejn issarraf il-flus, b’hekk it-tariffi relatati mat-tisrif tal-flus saru xi ħaġa tal-passat. L-euro jagħmel l-għajxien f’dawk il-pajjiżi jew l-ivvjaġġar lejhom aktar sempliċi u irħas. Jippermetti lill-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet direttament u jħallsu bejn il-fruntieri. Jgħin ukoll biex inaqqas it-tħassib tan-negozji dwar ir-rati tal-kambju.
Lest għall-futur
L-euro huwa munita li tevolvi flimkien mal-ħtiġijiet u mal-għażliet finanzjarji li qed jinbidlu taċ-ċittadini Ewropej, pereżempju billi jipprovdi karti tal-flus sikuri u pagamenti diġitali rapidi u konvenjenti.
Fil-BĊE aħna nżommu l-karti tal-flus tal-euro tiegħek sikuri u siguri billi nipproteġuhom kontra l-falsifikaturi. Irridu wkoll li l-karti tal-flus tagħna jkunu kemm jista’ jkun ekoloġiċi u aktar inklużivi fost l-Ewropej ta’ kull età u sfond. Din hija r-raġuni għala qed niddisinjaw mill-ġdid il-karti tal-flus tal-euro.
Biex flusna jibqgħu validi fil-futur, qed inħejju wkoll għall-possibilità ta’ euro diġitali. Bħall-flus kontanti, euro diġitali jippermettilek tagħmel pagamenti rapidi fiż-żona tal-euro kollha mingħajr kostijiet addizzjonali.
Dan ix-xogħol se jiżgura li inti tkun tista’ tibqa’ tibbenefika mill-euro, illum u għada.