Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2011
Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor pubblikat f’din il-websajt.
Malta
Tema: L-istorja kostituzzjonali – L-ewwel elezzjoni tar-rappreżentanti fl-1849
Deskrizzjoni: Fil-parti ta' ġewwa ta' din il-munita, l-ewwel waħda minn sensiela ta' ħamsa li għandhom joħorġu fi żmien ħames snin biex ifakkru ġrajjiet importanti fl-istorja kostituzzjonali ta' Malta, tidher id qiegħda ddaħħal polza tal-vot f'kaxxa tal-voti biex tikkommemora l-elezzjoni fl-1849 tal-ewwel rappreżentanti Maltin għall-Kunsill tal-Gvern bħala konsulenti tal-Gvernatur Britanniku ta' Malta, li kienet ilha kolonja Britannika sa mit-Trattat ta' Pariġi tal-1814. Fix-xifer ta' barra fuq il-lemin in-naħa ta' fuq fil-parti ta' ġewwa tal-munita hemm il-kliem ‘MALTA – First elected representatives 1849’ (Malta – L-ewwel rappreżentanti eletti 1849). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 430,000 munita
Data tal-ħruġ: Novembru 2011
Belt tal-Vatikan
Tema: Is-26 Jum Dinji taż-Żgħażagħ
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi għadd ta' żgħażagħ u bnadar, flimkien mal-marka taz-zekka "R" u s-sena "2011", u madwarhom, fin-naħa ta' fuq, in-numri Rumani "XXVI" u l-ittri "G.M.G.", it-taqsira ta' Giornata Mondiale della Gioventù (Jum Dinji taż-Żgħażagħ), u l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ "CITTÀ DEL VATICANO" fin-naħa t'isfel. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 115,000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2011
Il-Finlandja
Tema: Il-200 anniversarju tal-Bank tal-Finlandja
Deskrizzjoni: Il-munita kommemorattiva li tfakkar il-200 anniversarju tal-Bank tal-Finlandja, b’disinn tal-artist Hannu Veijalainen, turi l-għasfur nazzjonali tal-Finlandja, iċ-ċinju. Barra dan, fil-parti ta’ ġewwa tal-munita hemm id-dati ‘2011’, is-sena tal-ħruġ, u ‘1811’, is-sena li fiha l-Imperatur Alessandru I tar-Russja ħareġ digriet biex jitwaqqaf ‘Uffiċċju għall-Kambju, is-Self u d-Depożiti’ f’Turku, il-Finlandja. Dan kien l-ewwel bank fil-Finlandja, li eventwalment sar il-Bank tal-Finlandja u ġarr għal Ħelsinki fl-1819. Il-bank beda jopera bħala bank ċentrali lejn tmiem is-seklu 19, wara li l-Finlandja kisbet l-unità monetarja tagħha u wara li twaqqfu banek kummerċjali fil-pajjiż. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1.5 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2011
Il-Portugall
Tema: Il-500 anniversarju tat-twelid ta' Fernão Mendes Pinto
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita, li tikkommemora l-500 anniversarju tat-twelid ta' Fernão Mendes Pinto, esploratur Portugiż li l-ktieb tiegħu dwar l-iskoperti u l-avventuri fl-ibħra u fil-pajjiżi tal-Asja ġie ppubblikat wara mewtu bit-titlu “Peregrinação” (Pellegrinaġġ), turi bastiment tal-qlugħ fuq baħar magħmul minn sensiela mmewġa ta' referenzi għall-Portugall, Lisbona, il-ktieb tiegħu u xi destinazzjonijiet tal-vjaġġi tiegħu, bl-isem tal-pajjiż "Portugal" fiċ-ċentru taħthom. Ismu flimkien mad-dati ‘1511’ u ‘2011’ fuq iż-żewġ naħat jiffurmaw nofs ċirku madwar ix-xifer ta' fuq tal-parti ta' ġewwa. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 520,000 munita
Data tal-ħruġ: Settembru 2011
Monako
Tema: Iż-żwieġ tal-Prinċep Albert u Charlene Wittstock
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi, fin-nofs, ix-xbihat tal-Prinċep Albert u l-Prinċipessa Charlene. In-naħa t'isfel, l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘MONACO’ u s-sena tal-ħruġ ‘2011’. Il-marki taz-zekka u tal-istampier jidhru quddiem u wara ‘MONACO 2011’ rispettivament. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 148,000 munita
Data tal-ħruġ: Lulju 2011
Franza
Tema: It-30 anniversarju ta' Jum il-Mużika
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi folla ferrieħa, bi xbieha stilizzata ta' strument mużikali u noti fl-ajru, f'atmosfera ta' ċelebrazzjoni f'Jum il-Mużika, li fi Franza ilu jiġi mfakkar fis-solstizju tas-sajf sa mill-1981. Il-kliem ‘Fête de la MUSIQUE’ (Festa tal-Mużika) u d-data ‘21 JUIN 2011’ (21 ta' Ġunju 2011) jidhru fiċ-ċentru tad-disinn. Max-xifer ta' fuq, lejn il-lemin, hemm il-kliem ‘30e ANNIVERSAIRE’ (it-30 anniversarju) filwaqt li l-ittri ‘RF’ fin-naħa t'isfel jindikaw il-pajjiż li ħareġ il-munita. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 10 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2011
Il-Greċja
Tema: Il-Logħob Dinji tas-Sajf tal-Olimpijadi Speċjali – Ateni 2011
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi l-emblema tal-Logħob, xemx tiddi, l-għajn tal-ħajja li tenfasizza l-eċċellenza u s-saħħa tal-atleti li jieħdu sehem fil-Logħob, bl-eċċellenza rappreżentata mill-fergħa taż-żebbuġ u s-saħħa mill-ispiral li joħroġ minn nofs ix-xemx. It-tarf minqux madwar in-naħa tal-lemin ta’ barra tal-parti ta' ġewwa hemm it-titolu “XIII OLYMPICS SPEĊJALI W.S.G. ATHENS 2011” u isem il-pajjiż ta’ ħruġ “ΕΛΛΗΝΙΚΗ ΔΗΜΟΚΡΑΤΙΑ”, separati minn xulxin bil-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2011
San Marino
Tema: Il-500 anniversarju tat-twelid ta' Giorgio Vasari
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita, li tikkommemora l-500 anniversarju tat-twelid ta' Giorgio Vasari (30 ta' Lulju 1511 – 27 ta' Ġunju 1574), pittur, kittieb, u perit, magħruf għall-bijografiji ta' artisti Taljani u llum meqjus bħala l-fundatur ideoloġiku tal-kitba tal-istorja tal-arti, turi dettall tal-pittura tiegħu "Ġuditta taqta' ras Oloferne". Fin-nofs fuq in-naħa t'isfel jidhru d-dati ‘1511-2011’ filwaqt li max-xifer ta' ġewwa fuq ix-xellug hemm l-isem ‘G. VASARI’ u fuq il-lemin hemm isem il-pajjiż tal-ħruġ ‘SAN MARINO’. Il-marka taz-zekka ‘R’ tinsab fuq ix-xellug tax-xbieha ċentrali filwaqt li l-ittri ‘CM’, l-inizjali tad-disinjatriċi Claudia Momoni, jidhru eżatt fuq il-lemin. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 130,000 munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2011
L-Italja
Tema: Il-150 anniversarju tal-unifikazzjoni tal-Italja
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi, fin-nofs, tliet bnadar Taljani jperpru mar-riħ, biex ifakkru tliet perjodi li għaddew ta' 50 sena 'l wieħed – li ntemmu fl-1911, fl-1961 u fl-2011 rispettivament – fi xbieha ta' rabta perfetta bejn il-ġenerazzjonijiet: dan huwa l-logo tal-150 anniversarju tal-unifikazzjoni tal-Italja. Miktuba f'nofs tond max-xifer ta' fuq fin-naħa ta' barra madwar it-tliet bnadar hemm l-iskrizzjoni ‘150º DELL’UNITÀ D’ITALIA’ (il-150 anniversarju tal-Unità tal-Italja) bl-ittri ‘RI’ imqegħdin fuq xulxin lil hinn min-nofs lejn il-lemin biex juru l-pajjiż li ħareġ il-munita, ir-Repubblika Taljana. Taħt it-tliet bnadar jidhru d-dati ‘1861 › 2011 › ›’. Fin-nofs taħt id-dati hemm il-marka taz-zekka ‘R’, flimkien mal-ittri ‘ELF INC.’, l-inizjali tal-artist Ettore Lorenzo Frapiccini u l-ewwel tliet ittri tal-isem bit-Taljan tal-professjoni tiegħu (inċiżur) max-xifer ta' taħt lejn il-lemin. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 10 miljun munita
Data tal-ħruġ: Marzu 2011
Spanja
Tema: Il-Bitħa tal-Iljuni, Granada – sensiela Patrimonju Kulturali Dinji tal-UNESCO
Deskrizzjoni: Fil-parti ċentrali tal-munita tidher il-Bitħa tal-Iljuni fl-Alhambra, il-kastell fortifikat fil-belt ta' Granada, li fl-1984 ġiet dikjarata sit tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 8 miljun munita
Data tal-ħruġ: Marzu 2011
Is-Slovenja
Tema: Il-100 anniversarju tat-twelid ta' Franc Rozman-Stane
Deskrizzjoni: Fil-parti ċentrali tal-munita hemm xbieha stilizzata ta' Franc Rozman-Stane, ġeneral fil-Kmand Għoli tal-armata partiġjana Slovena u eroj nazzjonali tas-Slovenja. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Marzu 2011
Il-Belġju
Tema: Il-100 anniversarju tal-Jum Internazzjonali tal-Mara
Deskrizzjoni: Fil-parti ta' ġewwa tal-munita li tikkommemora l-100 anniversarju tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, li jiġi ċċelebrat fit-8 ta' Marzu, jidhru x-xbihat ta' Isala Van Dienst, l-ewwel tabiba Belġjana, u ta' Marie Popelin, l-ewwel avukat Belġjana, fuq nofs ċirku magħmul minn isimhom u s-simboli tal-professjoni tagħhom fuq kull naħa tas-sena 2011. Fiċ-ċentru fuq ix-xbihat tagħhom jidhru l-ittri ‘BE’ li jindikaw il-pajjiż li ħareġ il-munita, filwaqt li fuq ix-xellug tal-ittri tidher il-marka tal-istampier u fuq il-lemin il-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 5 miljun munita
Data tal-ħruġ: Marzu 2011
Is-Slovakkja
Tema: L-20 anniversarju tal-formazzjoni tal-Grupp Visegrad
Deskrizzjoni: Id-disinn tal-parti ċentrali tal-munita huwa magħmul mill-kontorni ta' erba' stati tal-Ewropa ċentrali – ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja – b'V komposta mrikkba li tindika l-Grupp Visegrad, alleanza reġjonali magħrufa wkoll bħala ‘Visegrad Four’ jew ‘V4’, li twaqqfet wara l-laqgħa għolja tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taċ-Ċekoslovakkja, l-Ungerija u l-Polonja fil-belt kastell ta' Visegrád, fl-Ungerija, fil-15 ta' Frar 1991, prinċipalment għal għanijiet ta' kooperazzjoni f'oqsma ta' interess komuni fi ħdan il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2011
Il-Lussemburgu
Tema: Il-50 anniversarju ta' meta l-Gran Dukessa ħatret lil binha Jean bħala ‘lieutenant-représentant’
Deskrizzjoni: Fuq il-lemin fil-parti ċentrali tal-munita hemm ix-xbieha ta' wiċċ l-Altezza Rjali Tiegħu, il-Gran Duka Henri, fi profil li jħares lejn ix-xellug, imrikkeb fuq ix-xbihat tal-Gran Duka Jean u tal-Gran Dukessa Charlotte. Isem il-pajjiż li ħareġ il-munita, ‘LËTZEBUERG’, jidher 'il fuq mit-tliet uċuħ. Is-sena ‘2011’ tidher iżjed 'il fuq u ħdejha hemm il-marki taz-zekka u tal-istampier. L-ismijiet tal-Altezza Rjali Tagħhom jidhru taħt ix-xbieha rispettiva. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2011
Il-Pajjiżi l-Baxxi
Tema: Il-500 anniversarju tal-pubblikazzjoni tal-ktieb ta' fama dinjija ‘Laus Stultitiae’ tal-filosofu, umanista u teologu Olandiż Desiderius Erasmus
Deskrizzjoni: Fuq il-lemin tal-parti ta' ġewwa tal-munita jidher Erasmus qiegħed jikteb il-ktieb tiegħu, u fuq ix-xellug hemm ix-xbieha ta' wiċċ ir-Reġina Beatrix. Iż-żewġ xbihat huma separati bl-iskrizzjoni vertikali ‘Beatrix Koningin der Nederlanden’ (Beatrix Reġina tal-Olanda). Lejn nofs il-munita, f'pożizzjoni orizzontali, hemm is-sena ‘2011’, il-marka tal-istampier u l-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 4 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2011
Il-Ġermanja
Tema: L-Istat Federali ta' Nordrhein-Westfalen
Deskrizzjoni: Fil-parti ta' ġewwa tal-munita hemm il-Katidral ta' Cologne fuq il-kliem “Nordrhein-Westfalen” biex jindika l-istat federali Ġermaniż ta' North Rhine-Westphalia fejn jinsab. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, flimkien mas-sena tal-ħruġ ‘2011’ in-naħa t'isfel.
Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2011