Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2012
Id-deskrizzjonijiet f'din il-paġna ttieħdu mill-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk jistgħu jiddevjaw xi ftit minn materjal ieħor ippubblikat fuq f'dan is-sit web.

Il-Lussemburgu
Tema: Iż-żwieġ tal-Prinċep Guillaume, Gran Duka Eredi, mal-Kontessa Stéphanie de Lannoy
Deskrizzjoni: Fuq ix-xellug tal-parti ta' ġewwa tal-munita tidher ix-xbieha tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri, waqt li fuq il-lemin tidher ix-xbieha tal-Prinċep Guillaume, il-Gran Duka Eredi, imqiegħda fuq dik tal-Kontessa Stéphanie. Il-kliem ‘PRËNZENHOCHZAÏT’ (Żwieġ tal-Prinċep) u ‘LËTZEBUERG’ (Lussemburgu) jidher fuq is-sena ‘2012’ fin-naħa t'isfel tal-parti ta' ġewwa tal-munita filwaqt li l-marka taz-zekka u l-inizjali tal-istampier jinsabu fil-ġnub. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita
Data tal-ħruġ: Diċembru 2012

Belt tal-Vatikan
Tema: Is-Seba’ Laqgħa Dinjija tal-Familji
Deskrizzjoni: Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi familja fuq l-isfond tal-Katidral ta' Milan, il-belt ospitanti tas-Seba’ Laqgħa Dinjija tal-Familji. L-avveniment isir kull tliet snin biex tintefa' l-attenzjoni fuq il-familja bħala patrimonju uman komuni u jisħaq fuq il-fatt li l-familja hi universali u tagħti kontribut għall-element uman tal-ħajja kullimkien fid-dinja. L-ismijiet bit-Taljan tal-Belt tal-Vatikan u tal-avveniment, flimkien mas-sena ‘2012’, jidhru mnaqqxin madwar ix-xbieha tal-familja. Il-marka taz-zekka ’R’ tinsab bejn it-tifel u l-omm. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 115,000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2012

Il-Finlandja
Tema: Il-150 anniversarju tat-twelid tal-artista Helene Schjerfbeck
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi xbieha stilizzata ta’ wiċċ l-artista magħmula minnha stess. Isimha “HELENE SCHJERFBECK” u s-snin meta twieldet u meta mietet “1862-1946” jidhru weqfin fuq ix-xellug u l-lemin tax-xbieha rispettivament. Fin-naħa t'isfel fuq ix-xellug tax-xbieha jidhru l-ittri ‘FI’ li jindikaw il-pajjiż tal-ħruġ u s-sena tal-ħruġ ‘2012’. Il-marka taz-zekka tinsab mat-tarf tal-parti ta' ġewwa tal-munita eżatt taħt id-dati tat-twelid u l-mewt. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 2 miljun munita
Data tal-ħruġ: Settembru 2012

Malta
Tema: Rappreżentanza tal-maġġoranza 1887
Deskrizzjoni: Id-disinn tal-parti ta’ ġewwa tal-munita, li sar mill-artist Malti Ġanni Bonnici, juri folla tifraħ quddiem il-Palazz tal-Gvernatur, li jidher fl-isfond, fil-Belt Valletta. Il-kliem ‘MALTA – Majority representation 1887’ (Malta – Rappreżentanza tal-maġġoranza 1887) jidher mat-tarf ta' fuq tal-parti ta' ġewwa tal-munita filwaqt li s-sena tal-ħruġ ‘2012’ tidher in-naħa t'isfel. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 430,000 munita
Data tal-ħruġ: Settembru 2012

Monako
Tema: Il-500 anniversarju tat-twaqqif tas-sovranità ta’ Monako minn Lucien I Grimaldi
Deskrizzjoni: Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi xbieha ta' wiċċ Lucien I Grimaldi fi profil li jħares lejn ix-xellug. L-iskrizzjoni ‘1512 SOUVERAINETE DE MONACO 2012’ (1512 Sovranità ta' Monako 2012) tifforma nofs tond mat-tarf ta' fuq tal-parti ta' ġewwa tal-munita.Mal-ġnub tax-xbieha jidhru żewġ denari (djamanti) ornamentali filwaqt li l-qarn tal-abbundanza (il-marka taz-zekka ta' Pariġi) u l-fleurette (il-marka tal-azjenda li għamlet l-inċiżjoni) jidhru fuq ix-xellug u fuq il-lemin rispettivament, in-naħa t'isfel tax-xbieha. Isem il-fundatur “Lucien Ier” jidher eżatt fuq il-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 100,000 munita
Data tal-ħruġ: Lulju 2012

Franza
Tema: Il-100 anniversarju tat-twelid tal-Abbé Pierre, li fi Franza huwa magħruf bħal protettur tal-fqar
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi l-wiċċ ta' Abbé Pierre bil-berè karatteristiku tiegħu. Ix-xbieha tinsab ħarira lejn ix-xellug min-nofs u fuq il-lemin jidher il-logo tal-fondazzjoni li ġġib ismu flimkien mal-mistoqsija stampata b'ittri rqaq “Et les autres?”, il-kliem favorit tiegħu li jfakkarna li qatt m'għandna ninsew ngħinu lill-oħrajn. L-iskrizzjoni ‘Centenaire de la naissance de l’abbé Pierre’ (Ċentinarju tat-twelid tal-Abbé Pierre) tifforma nofs tond mat-tarf ta' fuq tal-parti ta’ ġewwa tal-munita. Fuq ix-xellug tax-xbieha jidhru l-qarn tal-abbundanza (il-marka taz-zekka ta' Pariġi) u l-ittri ‘RF’ li jindikaw il-pajjiż li ħareġ il-munita, filwaqt li fuq il-lemin tidher il-fleurette (il-marka tal-azjenda li għamlet l-inċiżjoni). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Lulju 2012

Il-Portugall
Tema: Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2012, il-belt ta’ Guimarães fit-tramuntana tal-Portugall
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi xbieha stilizzata ta' Afonso Henriques, l-ewwel re tal-Portugall, flimkien max-xabla tiegħu u l-Kastell ta' Guimarães, meqjus bħala l-benniena tal-Portugall, li twieled bħala nazzjon indipendenti fis-seklu tnax. Fin-naħa tax-xellug tax-xbieha hemm l-arma Portugiża fuq il-kelma ‘PORTUGAL’. Fin-naħa tal-lemin isfel tidher l-iskrizzjoni ‘GUIMARÃES 2012’ bil-logo tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, Guimarães 2012. Mat-tarf ta’ isfel tal-parti ta' ġewwa jidhru l-marka taz-zekka ‘INCM’ u isem id-disinjatur ‘JOSÉ DE GUIMARÃES’. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 520,000 munita
Data tal-ħruġ: Ġunju 2012

Il-Belġju
Tema: Il-75 anniversarju tal-Konkors Reġina Elisabeth
Deskrizzjoni:Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi l-logo tal-Konkors Reġina Elisabeth fuq profil tar-Reġina li jħares lejn ix-xellug.Ir-Reġina Elisabeth waqqfet il-konkors tal-mużika fl-1937. Fuq ix-xellug hemm il-marka tal-istampier (rixa użata bħala pinna) u fuq il-lemin il-marka taz-zekka (ras l-arkanġlu Mikiel). F'nofs tond mat-tarf ta’ isfel tal-parti ta’ ġewwa tidher l-iskrizzjoni ‘QUEEN ELISABETH COMPETITION’ (Konkors Reġina Elisabeth) filwaqt li s-snin ‘1937 – 2012’, li jfakkru l-75 anniversarju tal-konkors, jidhru mnaqqxin fit-tond mat-tarf ta' fuq. L-ittri ‘BE’ fuq il-lemin tax-xbieha jindikaw il-pajjiż li ħareġ il-munita. Fiċ-ċirku ta' barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 5 miljun munita
Data tal-ħruġ: Mejju 2012

L-Italja
Tema: Il-100 anniversarju tal-mewt ta' Giovanni Pascoli
Deskrizzjoni: Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi xbieha ta' wiċċ Giovanni Pascoli, poeta mir-reġjun tar-Romanja li huwa wieħed mir-rappreżentanti ewlenin tal-letteratura Taljana ta’ tmiem is-seklu dsatax. Fuq ix-xellug tax-xbieha jidhru s-sena meta miet il-poeta ‘1912’, il-marka taz-zekka ‘R’ u l-ittri ‘M.C.C.’ li huma l-inizjali tad-disinjatriċi Maria Carmela Colaneri filwaqt li fuq il-lemin jidhru s-sena tal-ħruġ ‘2012’ u eżatt taħtha l-monogramma tar-Repubblika Taljana ‘RI’. L-iskrizzjoni ‘G. PASCOLI’ tidher mat-tarf t'isfel tal-parti ta' ġewwa tal-munita taħt ix-xbieha. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 15 miljun munita
Data tal-ħruġ: April 2012

Spanja
Tema: Il-Katidral ta' Burgos – Sensiela Patrimonju Dinji tal-UNESCO
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi l-Katidral tal-Madonna ta' Burgos, li hu dedikat lil Marija Verġni u huwa magħruf għall-kobor u għall-arkitettura unika tiegħu. Il-bini tal-katidral beda fl-1221 u diġà kien qiegħed jintuża bħala post ta' qima disa' snin wara, għalkemm ix-xogħol baqa' għaddej minn żmien għall-ieħor sal-1567. Oriġinarjament inbena bl-istil Gotiku Franċiż iżda fis-sekli ħmistax u sittax żdidulu karatteristiċi tar-Rinaxximent. Isem il-pajjiż tal-ħruġ ‘ESPAÑA’ u s-sena ‘2012’ jidhru fin-naħa tax-xellug u tal-lemin rispettivament madwar ix-xbieha. Il-marka taz-zekka (‘M’ b’kuruna fuqha) tinsab fuq il-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 8 miljun munita
Data tal-ħruġ: Marzu 2012


















Pajjiżi taż-żona tal-euro
Tema: Għaxar snin mill-ħruġ tal-karti u l-muniti tal-euro
Deskrizzjoni: Fin-nofs tal-parti ta' ġewwa tal-munita, iddisinjata minn Helmut Andexlinger taz-Zekka Awstrijaka u magħżula minn ċittadini u residenti taż-żona tal-euro biex tkun il-munita kommemorattiva komuni għall-2012, tidher id-dinja fl-għamla tas-simbolu tal-euro, issa li l-euro fl-aħħar għaxar snin sar protagonista ewlieni fid-dinja ta’ żmienna. L-elementi mad-dawra huma simbolu tal-importanza tal-euro għan-nies komuni (rappreżentati minn grupp ta' familja), għad-dinja finanzjarja (il-Eurotower), għall-kummerċ (bastiment), għall-industrija (fabbrika) u għas-settur tal-enerġija kif ukoll għar-riċerka u l-iżvilupp (żewġ turbini tar-riħ). L-inizjali tad-disinjatur ‘A.H.’ jinsabu bejn il-bastiment u l-Eurotower (trid tħares sew). Imnaqqxin mat-truf ta’ fuq u ta’ isfel tal-parti ta’ ġewwa tal-munita jidhru l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ u s-snin ‘2002’ u ‘2012’ rispettivament. Il-munita nħarġet mill-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: ivarja minn pajjiż għal pajjiż
Data tal-ħruġ: Jannar 2012, ħlief San Marino f'Mejju 2012

Il-Lussemburgu
Tema: Il-Gran Duka Henri u l-Gran Duka Guillaume IV – sensiela ‘Dinastija Grandukali’
Deskrizzjoni: Il-munita turi, fin-naħa tax-xellug tal-parti ta' ġewwa, ras l-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri quddiem dik ta' bużnannuh, il-Gran Duka Guillaume IV, it-tnejn iħarsu lejn il-lemin, b'isimhom "HENRI" u "GUILLAUME IV † 1912" taħt. In-naħa ta' fuq hemm is-sena ‘2012’ u fuq il-ġnub tagħha jidhru l-marka taz-zekka (il-bastun ta' Merkurju) fuq ix-xellug u l-marka tal-istampier (dgħajsa tal-qlugħ) fuq il-lemin, flimkien mal-kliem ‘GRANDS-DUCS DE LUXEMBOURG’ (Gran Duki tal-Lussemburgu). Il-Belt tal-Lussemburgu tidher fl-isfond. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2012

Il-Ġermanja
Tema: L-Istat Federali tal-Bavarja
Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita, iddisinjata minn Erich Ott, turi dak li x'aktarx hu l-aktar kastell magħruf tal-Bavarja, il-Kastell ta' Neuschwanstein, min-naħa tal-lvant, bil-loġġa fuq quddiem, bit-torrijiet u t-turretti romantiċi tal-kastell innifsu, u l-muntanji maestużi fuq wara. Taħt jidher isem l-istat federali ‘BAYERN’ (Bavarja). Fuq il-lemin hemm il-marka taz-zekka rispettiva (A, D, F, G jew J) u fuq ix-xellug jidhru l-inizjali tad-disinjatur. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, bl-ittra ‘D’ fin-naħa ta' fuq u s-sena ‘2012’ in-naħa ta’ isfel, li jindikaw il-pajjiż u s-sena tal-ħruġ rispettivament.
Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2012