Standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro bil-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus
Meta jsiru l-verifiki tal-kundizzjoni, il-karti tal-flus tal-euro li jkollhom xi difett u ma jilħqux ir-rekwiżiti obbligatorji definiti hawn taħt ma jibqgħux validi.
Il-livell ta' tolleranza aċċettabbli għall-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus u jivverifikaw il-kundizzjoni tagħhom huwa ta' 5%. Dan ifisser li l-għadd ta' karti tal-flus tal-euro li ma jilħqux il-kriterji tal-kundizzjoni u jintgħażlu bħala tajbin mill-magni meta fis-sewwa ma jkunux m'għandux jaqbeż il-5%.
Difett | Definizzjoni | |
---|---|---|
1. | Ħmieġ | Ammont ta' ħmieġ mifrux fuq il-karta tal-flus tal-euro kollha |
2. | Tbajja' | Konċentrazzjoni ta' ħmieġ (f'post partikolari) |
3. | Tħażżiż | Xbieha jew kliem miktub jew immarkat bi kwalunkwe mod fuq karta tal-flus tal-euro |
4. | Karta li marritilha l-linka | Nuqqas ta’ linka f’parti jew fil-karta tal-flus tal-euro kollha, e.g. karta tal-flus tal-euro maħsula |
5. | Tiċrit | M'hemmx bżonn tifsira |
6. | Toqob | M'hemmx bżonn tifsira |
7. | Tqattigħ | Karti tal-flus tal-euro b'parti(jiet) nieqsa f'minn tal-inqas tarf wieħed (minbarra toqob) |
8. | Tiswija | Partijiet ta' karta tal-flus tal-euro, jew ta' aktar minn waħda, imwaħħlin flimkien bit-tejp, bil-kolla jew b'xi mezz ieħor |
9. | Tikmix | Tiwi f'diversi postijiet |
10. | Irtubija | Deterjorazzjoni strutturali li tirriżulta f'nuqqas ta' ebusija |
11. | Tiwi | M'hemmx bżonn tifsira |
12. | Kantunieri mitwija | M'hemmx bżonn tifsira |
Aktar tagħrif dwar il-kriterji tal-għażla
Ħmieġ
Il-ħmieġ iżid id-densità ottika tal-karti tal-flus tal-euro. It-tabella t'hawn taħt tispeċifika ż-żieda massima fid-densità ta' kampjuni użati mqabbla ma' karti tal-flus tal-euro ġodda li jista' jkollhom il-karti tal-flus tal-euro biex jitqiesu validi:
Denominazzjoni-Sensiela | Żieda massima fid-densità ta' kampjuni użati mqabbla ma' karti tal-flus tal-euro ġodda | Filtru |
---|---|---|
€5-ES2 | 0.04 | Maġenta |
€10-ES2 | 0.04 | Maġenta |
€20-ES2 | 0.07 | Maġenta |
€50-ES2 | 0.07 | Maġenta |
€100-ES2 | 0.07 | Maġenta |
€200-ES2 | 0.07 | Maġenta |
€5-ES1 | 0.06 | Maġenta |
€10-ES1 | 0.06 | Maġenta |
€20-ES1 | 0.08 | Maġenta |
€50-ES1 | 0.07 | Maġenta |
€100-ES1 | 0.07 | Maġenta |
€200-ES1 | 0.04 | Maġenta |
€500-ES1 | 0.04 | Maġenta |
Il-karti tal-flus tal-euro li ma jilħqux dawn il-kriterji mhumiex validi. Il-banek ċentrali nazzjonali jżommu karti tal-flus tal-euro bħala referenza li juru l-livell ta' ħmieġ skont dawn il-kriterji. Il-kejl densitometriku tal-karti tal-flus tal-euro miżmuma bħala referenza huwa bbażat fuq il-kriterji li ġejjin:
- Standard għall-kejl tad-densità: ISO 5 partijiet 3 u 4
- Standard għall-filtri: DIN 16536
- Kejl assolut: kalibrazzjoni standard (white tile)
- Filtru ta' polarizzazzjoni: mixgħul
- Apertura: 3 mm
- Illuminazzjoni: D65/2
- Sfond: kalibrazzjoni standard white tile
Iż-żieda fid-densità ta' karta tal-flus ta' referenza hija l-ogħla valur bejn il-medja ta' mhux inqas minn erba' punti ta' kejl meħuda min-naħa ta' quddiem u min-naħa ta' wara tal-karta tal-flus fil-parti mhix stampata u mingħajr ebda modulazzjoni tal-watermark.
Tbajja'
Il-karti tal-flus tal-euro li jkollhom konċentrazzjoni ta' ħmieġ ta' mill-inqas 9mm b'9mm fil-parti mhix stampata jew ta' 15-il mm bi 15-il mm fil-parti stampata mhumiex validi.
Tħażżiż
S'issa ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju għall-identifikazzjoni tat-tħażżiż.
Karta li marritilha l-linka
Il-karti tal-flus tal-euro tista' tmurilhom il-linka, e.g. bil-ħasil jew jekk ikunu ġew esposti għal kimika qawwija. Dawn il-karti tal-flus jistgħu jiġu identifikati li ma jkunux validi permezz ta' image jew UV detectors.
Tiċrit
Il-karti tal-flus tal-euro li jkollhom tiċrit miftuħ li ma jitgħattiex parzjalment jew għalkollox miċ-ċintorin(i) tal-ġarr tal-magna mhumiex validi jekk it-tiċrita tkun akbar minn kif jidher hawn taħt.
Direzzjoni | Wisa' | Tul |
---|---|---|
Vertikali | 4mm | 8mm |
Orizzontali | 4mm | 15mm |
Djagonali | 4mm | 18mm1 |
Toqob
Il-karti tal-flus tal-euro li jkollhom toqob li ma jitgħattewx parzjalment jew għalkollox miċ-ċintorin(i) tal-ġarr tal-magna mhumiex validi jekk it-toqba tkun akbar minn 10 mm2.
Tqattigħ
Il-karti tal-flus tal-euro li t-tul tagħhom jonqos b'6mm jew aktar jew il-wisa' tagħhom jonqos b'5mm jew aktar mhumiex validi. Il-kejl kollu jirreferi għad-differenzi mit-tul u l-wisa' nominali tal-karti tal-flus tal-euro.
Tiswijiet
Karta tal-flus tal-euro tista' tissewwa billi jitwaħħlu flimkien partijiet ta' karta jew karti tal-flus tal-euro, e.g. bl-użu ta' tejp jew kolla. Karta tal-flus tal-euro bit-tejp li jgħatti firxa akbar minn 10mm b'40mm u bi ħxuna ta' aktar minn 50µm mhijiex valida.
Tikmix
Il-karti tal-flus tal-euro li jkunu mkemmxin normalment jiġu identifikati jekk jonqsilhom il-livell ta' kemm jirriflettu jew tal-ebusija tagħhom. M'hemmx rekwiżiti obbligatorji.
Irtubija
Safejn hu possibbli, il-karti tal-flus tal-euro li ma jkunux ibsin jitqiesu li ma jkunux validi. Billi l-irtubija u l-ħmieġ x'aktarx imorru id f'id, il-karti tal-flus tal-euro rotob ġeneralment jiġu identifikati wkoll permezz ta' sensers tal-ħmieġ. M'hemmx rekwiżiti obbligatorji.
Tiwi
Minħabba li jkunu iqsar jew idjaq, il-karti tal-flus tal-euro mitwijin jistgħu jiġu identifikati permezz ta' sensers li jivverifikaw id-daqs tagħhom. Barra dan, jistgħu jiġu identifikati permezz ta' sensers li jivverifikaw il-ħxuna. Madankollu, minħabba l-limitazzjonijiet tekniċi, jista' jiġi identifikat biss it-tiwi li jidħol fil-kriterji stipulati għat-tqattigħ, i.e. fejn it-tul jonqos b'aktar minn 6mm jew il-wisa' jonqos b'aktar minn 5mm, biex il-karta tal-flus titqies li ma tkunx valida.
Kantunieri mitwija
Karta tal-flus tal-euro b'kantuniera mitwija li tiksi firxa ta' aktar minn 130mm2 u li l-iżgħar tarf tagħha jkun itwal minn 10mm mhijiex valida.
1 It-tiċrita titkejjel billi tinġibed linja dritta minn fejn tieqaf it-tiċrita sat-tarf tal-karta tal-flus fejn tibda t-tiċrita (projezzjoni rettangolari) u mhux billi jitkejjel it-tul tat-tiċrita nnifisha.