Tmiem il-bidla għall-euro fl-2008 f'Ċipru u f'Malta
Wara tmiem il-perijodu ta’ xahar għaċ-ċirkolazzjoni doppja, li matulu l-pagamenti setgħu jsiru bl-euro jew bil-pounds Ċiprijotti/bil-lira Maltija rispettivament, fl-1 ta’ Frar 2008 l-euro sar l-unika valuta legali f’Ċipru u f’Malta. Il-progress li sar tul il-perijodu taċ-ċirkolazzjoni doppja jfisser li l-bidla tal-flus għall-euro f’Ċipru u f’Malta ntemmet b’suċċess u bla xkiel.
It-tħejjija komprensiva u f’waqtha kienet prekondizzjoni ewlenija għall-introduzzjoni bla xkiel tal-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro. Il-bidla tal-flus marret skond il-pjanijiet fiż-żewġ pajjiżi, u ma nqalgħu ebda ċirkostanzi mhux mistennija. Għalhekk, ma kien jeħtieġ ebda tibdil fil-pjanijiet li kienu tħejjew għall-bidla. Il-progress milħuq matul il-perijodu taċ-ċirkolazzjoni doppja hu xhieda ta’ kemm kienet effiċjenti u effettiva t-tħejjija. Bħal fil-każ ta’ bidliet għall-euro preċedenti, il-kooperazzjoni f’waqtha fost il-partijiet ewlenin kollha – taħt il-koordinazzjoni tal-banek ċentrali u tal-gvernijiet ikkonċernati – kienet kruċjali.
Minħabba l-irtirar konsistenti tal-karti tal-flus nazzjonali ta’ qabel, u t-tqassim minn kmieni u estensiv tal-karti tal-flus ta’ l-euro lill-banek, sa tmiem l-ewwel jum, madwar nofs il-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni fiż-żewġ pajjiżi kienu diġà karti tal-flus ta’ l-euro. S’issa, fiż-żewġ pajjiżi, ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni madwar 80% tal-karti tal-flus nazzjonali.
Lejn tmiem il-perijodu taċ-ċirkolazzjoni doppja, il-pagamenti kienu qed isiru kważi esklussivament bil-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro, u sa nofs Jannar l-irtirar tal-flus mill-kaxxiera awtomatiċi (ATMs) kien diġà stabbli fil-livelli tas-soltu; din hi indikazzjoni li kollox qed jerġa lura “għan-normal”.
Waqt il-bidla tal-flus ma kien hemm ebda raġuni għal tħassib dwar l-iffalsifikar ta’ l-euro, u ma kien hemm ebda attakk serju ta’ falsifikazzjoni. Fiż-żewġ pajjiżi, ir-reazzjoni ġenerali tal-pubbliku għall-bidla tal-flus kienet pożittiva ħafna.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja