Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Iżjed karti tal-flus foloz fit-tieni nofs tal-2014 iżda l-għadd tagħhom jibqa’ żgħir ħafna

23 ta' Jannar 2015

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel it-10 a.m. CET tal-Ġimgħa, 23 ta’ Jannar 2015
  • 507,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2014
  • 86% tal-karti tal-flus foloz huma tal-€20 u l-€50
  • Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati faċilment bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
  • Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur

Fit-tieni nofs tal-2014 tneħħew miċ-ċirkolazzjoni 507,000 karta tal-euro falza – żieda ta’ 44% fuq iċ-ċifra għall-istess perjodu tal-2013. Madankollu l-għadd ta’ karti tal-flus foloz jibqa’ żgħir ħafna meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus tajbin fiċ-ċirkolazzjoni li kulma jmur qiegħed jiżdied (aktar minn 16-il biljun fit-tieni nofs tal-2014).

Hawn taħt jidhru ċ-ċifri għal kull sitt xhur:

Perjodu 2011/2 2012/1 2012/2 2013/1 2013/2 2014/1 2014/2
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 310,000 251,000 280,000 317,000 353,000 331,000 507,000

Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – dejjem ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jiġu f’idejh karti tal-flus. Il-karti tal-flus tajbin jintgħarfu faċilment bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajts tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.

Jekk tiġi f’idejk karta tal-flus dubjuża, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hija tajba. Jekk tikkonferma d-dubji, ikkuntattja lill-pulizija jew, skont il-prattika nazzjonali, il-bank ċentrali ta’ pajjiżek. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni tal-flus.

L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. Il-karti tal-flus tas-sensiela Europa huma aktar siguri u jgħinu lill-pubbliku jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu fl-euro.

Hawn taħt tidher analiżi skont id-denominazzjonijiet tal-karti tal-flus foloz li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2014.

Denominazzjoni €5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi perċentwali 1.0% 3.0% 60.0% 26.0% 8.0% 1.5% 0.5%

F’dan il-perjodu:

  • Il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet li ġew iffalsifikati. Il-proporzjon ta’ karti foloz tal-€20 żdied u dak tal-karti foloz tal-€50 naqas. Flimkien, kienu jgħoddu 86% tat-total ta’ karti tal-flus foloz.
  • Il-biċċa l-kbira (97.5%) tal-karti tal-flus foloz instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Madwar 2% biss instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-żona tal-euro u anqas minn 0.5% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.

L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz u biex tgħin lill-professjonisti li jaħdmu bil-flus kontanti jkunu ċerti li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu kapaċi jidentifikaw il-karti tal-flus foloz b’mod affidabbli u jneħħuhom miċ-ċirkolazzjoni. Il-manifatturi u l-fornituri tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus se jkomplu jsibu l-għajnuna tal-Eurosistema biex jadattaw il-magni u t-tagħmir tagħhom għall-karti tal-flus il-ġodda. Jekk l-apparat tagħhom jibqa’ ma jaċċettax il-karti ġodda tas-sensiela Europa, l-operaturi u s-sidien għandhom jikkuntattjaw lill-manifatturi jew lill-fornituri tagħhom mill-aktar fis.

Aktar tagħrif dwar il-karti tal-euro jinsab hawn www.ecb.europa.eu/euro u hawn www.karti-godda-tal-euro.eu.

Għal tagħrif ieħor tista’ ċċempel lil William Lelieveldt (+49 69 1344 7316).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja