Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

3 ta’ Frar 2022

Il-Kunsill Governattiv ikkonferma d-deċiżjonijiet meħuda fil-laqgħa tiegħu dwar il-politika monetarja f’Diċembru li għadda.

Programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP)

Fl-ewwel trimestu tal-2022, il-Kunsill Governattiv qed iwettaq xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP b’ritmu aktar baxx milli fit-trimestru preċedenti. Se jwaqqaf ix-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP fl-aħħar ta’ Marzu 2022.

Il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Il-pandemija wriet li, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà fit-tfassil u t-twettiq tax-xiri tal-assi għenet biex tiġġieled it-trażmissjoni indebolita tal-politika monetarja u għamlet l-isforzi tal-Kunsill Governattiv biex jilħaq l-għan tiegħu aktar effettivi. Fi ħdan il-mandat tal-Kunsill Governattiv, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà se tibqa’ element tal-politika monetarja kull meta theddid għat-trażmissjoni tal-politika monetarja jipperikola l-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet. B'mod partikolari, fil-każ ta' frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq relatata mal-pandemija, l-investimenti mill-ġdid tal-PEPP jistgħu jiġu aġġustati b'mod flessibbli matul iż-żmien, il-klassijiet tal-assi u l-ġurisdizzjonijiet fi kwalunkwe żmien. Dan jista' jinkludi xiri ta' bonds maħruġa mir-Repubblika Ellenika minbarra t-tiġdid ta' fidi sabiex tiġi evitata interruzzjoni tax-xiri f'dik il-ġurisdizzjoni, li jista' tfixkel it-trażmissjoni tal-politika monetarja lill-ekonomija Griega waqt li tkun għadha qed tirkupra mill-konsegwenzi tal-pandemija. Ix-xiri nett taħt il-PEPP jista' jerġa' jibda wkoll, jekk meħtieġ, biex jiġġieled ix-xokkijiet negattivi relatati mal-pandemija.

Programm ta’ xiri ta’ assi (APP)

F'konformità mat-tnaqqis pass pass fix-xiri ta' assi deċiż f'Diċembru 2021 u biex jiġi żgurat li l-pożizzjoni tal-politika monetarja tibqa' konsistenti mal-istabbilizzazzjoni tal-inflazzjoni fil-mira tiegħu fuq terminu medju, ix-xiri nett ta' kull xahar taħt l-APP se jammonta għal €40 biljun fit-tieni trimestru tal-2022 u €30 biljun fit-tielet trimestru. Minn Ottubru ’l quddiem, il-Kunsill Governattiv se jżomm ix-xiri nett ta’ assi taħt l-APP b’ritmu fix-xahar ta' €20 biljun sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu. Il-Kunsill Governattiv jistenna li x-xiri nett jintemm ftit qabel ma jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE.

Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien lil hinn mid-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u grad abbundanti ta' akkomodament monetarju.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess f’0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament.

B'appoġġ għall-mira ta' inflazzjoni simetrika tiegħu ta’ 2% u f'konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti jew aktar baxxi tagħhom sakemm jara l-inflazzjoni tilħaq it-2% qabel sew it-tmiem tal-orizzont tal-projezzjoni tiegħu u b’mod durevoli għall-bqija tal-orizzont tal-projezzjoni, u jqis li l-progress realizzat fl-inflazzjoni sottostanti huwa avvanzat biżżejjed biex ikun konsistenti mal-istabbilizzazzjoni tal-inflazzjoni għal 2% fuq terminu medju. Dan jista’ jimplika wkoll perjodu tranżitorju li fih l-inflazzjoni tkun moderatament ogħla mill-mira.

Operazzjonijiet ta rifinanzjament

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jissorvelja l-kundizzjonijiet tal-finanzjament bankarju u jiżgura li l-maturazzjoni tal-operazzjonijiet taħt it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal immirati (TLTRO III) ma ttellifx it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tiegħu. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu. Kif imħabbar, jistenna li l-kundizzjonijiet speċjali applikabbli taħt TLTRO III jispiċċaw f'Ġunju ta' din is-sena. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll il-kalibrazzjoni xierqa tas-sistema tiegħu fuq żewġ saffi għal rimunerazzjoni ta’ riżerva sabiex il-politika ta’ rata ta’ imgħax negattiva ma tillimitax il-kapaċità ta’ intermedjazzjoni tal-banek f’ambjent ta’ likwidità abbundanti f’eċċess.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza ruħha fil-mira tagħha ta’ 2% fuq terminu medju.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja