Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jagħżel “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” bħala temi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri

30 ta’ Novembru 2023

  • “Il-Kultura Ewropea” u “Ix-Xmajjar u l-Għasafar” magħżula bħala temi possibbli
  • Grupp konsultattiv se jipproponi motivi sa tmiem l-2024
  • Il-Kunsill Governattiv mistenni jagħżel id-disinji finali u jiddeċiedi meta jipproduċi u joħroġ karti tal-flus ġodda fl-2026

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għażel “Il-Kultura Ewropea” u “Ix-Xmajjar u l-Għasafar” bħala t-temi possibbli li minnhom għandha ssir l-għażla għall-karti tal-flus tal-euro futuri. Id-deċiżjoni tqis ir-riżultati tal-istħarriġ li sar fis-sajf tal-2023, ippubblikati f’rapport illum, għall-pubbliku Ewropew biex jesprimi l-preferenzi tiegħu minn seba’ temi proposti.

Fl-istħarriġ ikkummissjonat mill-BĊE, “Il-Kultura Ewropea” kienet l-aktar popolari (21%) fost iċ-ċittadini taż-żona tal-euro, segwita minn “Ix-xmajjar: l-ilmijiet tal-ħajja fl-Ewropa” (18 %) u “L-Għasafar: ħielsa, reżiljenti, ispiranti” (17%). L-istħarriġ kien magħmul minn kampjun rappreżentattiv ta’ 23,377 Ewropew.

Il-BĊE wettaq ukoll l-istess stħarriġ online matul Lulju u Awwissu 2023, u attira għadd rekord ta’ aktar minn 365,000 risposta mill-Ewropej. Ir-riżultati jikkumplimentaw is-sejbiet tal-istħarriġ rappreżentattiv. L-istess tliet temi ġew ippreferuti, għalkemm f’ordni differenti. Fiż-żewġ stħarriġiet, l-erba’ temi l-oħrajn proposti kklassifikaw sostanzjalment aktar baxx.

Sabiex jiġu riflessi l-preferenzi tal-pubbliku b’mod kemm jista’ jkun wiesa’, il-Kunsill Governatti ta l-approvazzjoni tiegħu biex “Ix-xmajjar: l-ilmijiet tal-ħajja fl-Ewropa” u “L-għasafar: ħielsa, reżiljenti, jispiraw” jingħaqdu f’tema waħda relatata man-natura.

“Aħna kuntenti ħafna bil-parteċipazzjoni qawwija fl-istħarriġ online tagħna,” qalet il-President tal-BĊE Christine Lagarde. “Iż-żewġ temi magħżula għandhom element komuni ta’ konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Ewropej, u dan huwa ferm konformi mal-għan tagħna li nagħmlu l-karti tal-flus aktar relatabbli għan-nies ta’ kull età u sfond.”

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi grupp konsultattiv biex jipproponi motifi għat-temi magħżula sa tmiem l-2024. Wara dan, se tinżamm kompetizzjoni għad-disinn tal-karti tal-flus il-ġodda u ċ-ċittadini Ewropej se jerġa’ jkollhom l-opportunità li jesprimu l-preferenzi tagħhom dwar l-għażliet tad-disinn.

“Il-karti tal-flus huma simbolu tal-unità Ewropea tagħna, issa u fil-futur. Aħna impenjati li niżguraw li kulħadd ikun jista’ jagħżel kif iħallas, sew jekk bl-użu tal-flus kontanti jew bi ħlasijiet diġitali," qal il-membru tal-Bord Eżekuttiv Piero Cipollone.

Il-BĊE huwa mistenni jiddeċiedi dwar id-disinji finali, u meta għandu jipproduċi u joħroġ il-karti tal-flus il-ġodda, fl-2026. Ladarba tittieħed deċiżjoni dwar il-produzzjoni ta’ karti tal-flus ġodda, ikun għad fadal bosta snin qabel ma jinħarġu l-ewwel karti tal-flus.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Belén Pérez Esteve, tel.: + 49 173 533 4269 jew Nicos Keranis, tel.: +49 172 758 7237.

Noti

  1. Huwa d-dmir tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro li jiżguraw li l-karti tal-flus tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas innovattiv, sigur u effiċjenti. L-iżvilupp regolari ta’ serje ġdida ta’ karti tal-flus huwa prattika standard għall-banek ċentrali kollha. F’dinja fejn it-teknoloġiji tar-riproduzzjoni tal-karti tal-flus qed jevolvu malajr u l-falsifikaturi jista’ jkollhom aċċess faċli għat-tagħrif u l-materjali, huwa neċessarju li jinħarġu karti tal-flus ġodda fuq bażi regolari. Lil hinn minn konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà, il-BĊE huwa impenjat li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, filwaqt li jagħmilhom aktar relatabbli u inklużivi għall-Ewropej ta’ kull età u sfond, inklużi l-gruppi vulnerabbli bħal dawk neqsin mid-dawl. Għal aktar tagħrif, ara l-paġna futura tal-karti tal-flus fil-websajt tal-BĊE.
  2. It-tema attwali tal-karti tal-flus tal-euro hija ż-“żminijiet u l-istili” u l-motivi ewlenin fuq kull karta tal-flus huma t-twieqi, il-bibien u l-pontijiet ibbażati fuq stili arkitettoniċi minn diversi perjodi fl-istorja tal-Ewropa. Għal aktar tagħrif, ara l-paġna tal-elementi tad-disinn tal-karti tal-flus fis-sit web tal-BĊE.
  3. Iż-żewġ temi magħżula huma definiti bħala:
  • Il-Kultura Ewropea Il-wirt kulturali għani tal-Ewropa u s-setturi kreattivi dinamiċi jsaħħu l-identità Ewropea, u jsawru sens kondiviż ta’ appartenenza. Il-kultura tippromwovi valuri komuni, inklużjoni u djalogu fl-Ewropa u madwar id-dinja. Tgħaqqad lin-nies flimkien.
  • Ix-xmajjar u l-għasafar: Ix-xmajjar u l-għasafar ma jagħrfux fruntieri, jissimbolizzaw il-libertà u l-għaqda fost l-Ewropej u l-konnessjoni tagħna man-natura. L-Ewropa hija mogħnija b’varjetà wiesgħa ta’ xmajjar u għasafar li jispirawna u jfakkruna fir-responsabbiltà tagħna li nħarsu l-ambjent.
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja