Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Luis de Guindos
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Ateni, 26 ta’ Ottubru 2023

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Nixtieq nirringrazzja lill-Gvernatur Stournaras għall-ospitalità ġeneruża tiegħu u nesprimi l-gratitudni speċjali tagħna lejn l-istaff tiegħu għall-organizzazzjoni eċċellenti tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. L-informazzjoni li daħlet ikkonfermat b’mod ġenerali l-valutazzjoni preċedenti tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fuq żmien medju. L-inflazzjoni xorta għadha mistennija li tibqa’ għolja wisq għal żmien twil wisq, u l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi jibqgħu qawwijin. Fl-istess ħin, l-inflazzjoni naqset b’mod notevoli f’Settembru, inkluż minħabba effetti bażi qawwijin, u l-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti komplew ibattu. Iż-żidiet li konna introduċejna fir-rati tal-imgħax jkomplu jiġu trażmessi bis-saħħa fil-kundizzjonijiet tal-finanzjament. Dan qiegħed inaqqas id-domanda dejjem aktar u b’hekk jgħin biex titnaqqas l-inflazzjoni.

Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tagħna, nikkunsidraw li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jinsabu f’livelli li, jekk jinżammu għal żmien twil biżżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali lejn dan il-għan. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-politika tagħna se jiġu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għal żmien twil kemm ikun meħtieġ.

Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li ġejja, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjegaw il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-ekonomija taż-żona tal-euro għadha dgħajfa. Informazzjoni reċenti tissuġġerixxi li l-output tal-manifattura kompla jbatti. Id-domanda barranija mnaqqsa u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti qed ikunu ta’ piż dejjem akbar fuq l-investiment u l-infiq tal-konsumaturi. Is-settur tas-servizzi wkoll qed ikompli jiddgħajjef. Dan huwa l-aktar minħabba li l-attività industrijali aktar dgħajfa qed taffettwa setturi oħrajn, l-ispinta mill-effetti tal-ftuħ mill-ġdid qed tbatti u l-impatt tar-rati tal-imgħax aktar għoljin qed jinfirex. L-ekonomija aktarx li tibqa’ dgħajfa għall-bqija tas-sena. Iżda hekk kif l-inflazzjoni tkompli tonqos, l-introjtu reali tal-unitajiet domestiċi jkompli jirkupra u d-domanda għall-esportazzjonijiet miż-żona tal-euro terġa’ taqbad ritmu, l-ekonomija għandha tissaħħaħ matul is-snin li ġejjin.

L-attività ekonomika s’issa kienet appoġġata mis-saħħa tas-suq tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad kienet fl-aktar livell baxx fl-istorja ta’ 6.4 fil-mija f’Awwissu. Fl-istess ħin, hemm sinjali li s-suq tax-xogħol qed jiddgħajjef. Qed jinħolqu inqas xogħolijiet ġodda, inkluż fis-settur tas-servizzi, li huwa konsistenti mal-fatt li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku gradwalment jaffettwa l-impjiegi.

Hekk kif il-krizi tal-enerġija tbatti, il-gvernijiet għandhom ikomplu jreġġgħu lura l-miżuri ta’ appoġġ relatati. Dan huwa essenzjali biex jiġi evitat li jiżdiedu l-pressjonijiet inflazzjonarji fuq żmien medju, li altrimenti jitolbu politika monetarja li tkun saħansitra aktar stretta. Il-politiki fiskali għandhom jitfasslu biex l-ekonomija tagħna ssir aktar produttiva u biex gradwalment jitnaqqas id-dejn pubbliku għoli. Riformi strutturali u investimenti biex tittejjeb il-kapaċità ta’ provvista taż-żona tal-euro – li tkun appoġġata bl-implimentazzjoni sħiħa tal-programm Next Generation EU – jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet fuq żmien medju, filwaqt li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dak il-għan, ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE għandha tiġi konkluża qabel it-tmiem ta’ din is-sena u l-progress lejn l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u t-tlestija tal-Unjoni Bankarja għandhom jiġu aċċelerati.

L-inflazzjoni

L-inflazzjoni naqset għal 4.3 fil-mija f’Settembru, kważi punt perċentwali sħiħ aktar baxx mil-livell f’Awwissu. Fi żmien fil-qrib, aktarx li tinżel aktar, hekk kif iż-żidiet qawwijin fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel li ġew irreġistrati f’Awwissu 2022 se jaqgħu mir-rati annwali. It-tnaqqis ta’ Settembru kellu bażi wiesgħa. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel reġgħet naqset, għalkemm tibqa’ għolja b’paragun ma’ standards storiċi. F’termini annwali, il-prezzijiet tal-enerġija naqsu b’4.6 fil-mija iżda, aktar reċentement, reġgħu għolew u saru inqas prevedibbli fid-dawl tat-tensjonijiet ġeopolitiċi ġodda.

L-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel naqset għal 4.5 fil-mija f’Settembru, minn 5.3 fil-mija f’Awwissu. Dan it-tnaqqis kien appoġġat minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-provvista, it-trasferiment ta’ tnaqqis preċedenti fil-prezzijiet tal-enerġija, u l-impatt ta’ politika monetarja aktar stretta fuq id-domanda u s-saħħa tal-ipprezzar korporattiv. Ir-rati tal-inflazzjoni tal-prodotti u s-servizzi naqsu sostanzjalment, għal 4.1 fil-mija u 4.7 fil-mija rispettivament, hekk kif l-inflazzjoni fis-settur tas-servizzi wkoll inġibdet ‘l isfel b'effetti bażi notevoli. Il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet fit-turiżmu u l-ivvjaġġar jidhru li qegħdin jimmoderaw.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti jkomplu jbattu. Fl-istess ħin, il-prezzijiet fuq il-prezzijiet domestiċi għadhom b’saħħithom, u jirriflettu wkoll l-importanza li qed tikber tal-pagi li qegħdin jiżdiedu. Il-miżuri tal-inflazzjoni fuq medda ta’ żmien itwal jibqgħu fil-biċċa l-kbira madwar 2 fil-mija. Madankollu, xi indikaturi jibqgħu elevati u jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib.

Valutazzjoni tar-riskji

Ir-riskji għat-tkabbir ekonomiku jibqgħu mxaqilba lejn it-tnaqqis. It-tkabbir jista’ jkun aktar baxx jekk l-effetti tal-politika monetarja jirriżultaw li jkunu aktar b’saħħithom milli mistenni. Ekonomija dinjija aktar dgħajfa wkoll ikollha impatt fuq it-tkabbir. Il-gwerra mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kunflitt traġiku skattat mill-attakki terroristiċi fl-Iżrael huma sorsi ewlenin tar-riskju ġeopolitiku. Dan jista’ jwassal biex id-ditti u l-unitajiet domestiċi jsiru anqas kunfidenti u aktar inċerti dwar il-futur, u jkompli jxekkel it-tkabbir. Min-naħa l-oħra, it-tkabbir jista’ jkun ogħla milli mistenni jekk is-suq tax-xogħol li għadu reżiljenti u l-introjti reali li qegħdin jiżdiedu jfissru li n-nies u n-negozji jsiru aktar kunfidenti u jonfqu aktar, jew jekk l-ekonomija dinjija tikber b’mod aktar b’saħħtu milli mistenni.

Ir-riskji ta’ żieda fl-inflazzjoni jistgħu jiġu minn żieda fil-kostijiet tal-enerġija u tal-ikel. Iż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi tista’ tgħolli l-prezzijiet tal-enerġija fi żmien fil-qrib, filwaqt li l-prospetti fuq żmien medju jsiru aktar inċerti. It-temp estrem, u l-kriżi tal-klima li qed tiżviluppa b’mod aktar wiesa’, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel aktar milli mistenni. Żieda persistenti fl-aspettattivi tal-inflazzjoni 'l fuq mill-mira tagħna jew ogħla minn żidiet antiċipati fil-pagi jew il-marġnijiet ta' profitt, jistgħu jwasslu wkoll għal inflazzjoni ogħla, inkluż fuq żmien medju. B’kuntrast ma’ dan, id-domanda aktar dgħajfa – pereżempju minħabba trasmissjoni aktar b’saħħitha tal-politika monetarja jew deterjorament tal-ambjent ekonomiku fil-bqija tad-dinja fost riskji politiċi akbar – għandha ttaffi l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet, speċjalment fuq żmien medju.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

Ir-rati tal-imgħax fuq żmien itwal żdiedu b’mod notevoli mill-aħħar laqgħa tagħna, li jirrifletti żidiet qawwijin f’ekonomiji ewlenin oħrajn. Il-politika monetarja tagħna qed ikompli tiġi trażmessa b’mod qawwi f’kundizzjonijiet ta’ finanzjament usa’. Il-finanzjament sar aktar għali għall-banek, u r-rati tal-imgħax għas-self lin-negozji u s-self għax-xiri ta’ djar reġgħu żdiedu f’Awwissu, għal 5.0 fil-mija u 3.9 fil-mija rispettivament.

Ir-rati ogħla ta’ self, flimkien mat-tnaqqis assoċjat fil-pjanijiet ta’ investiment u x-xiri ta’ djar, wasslu għal tnaqqis qawwi ulterjuri fid-domanda għall-kreditu fit-tielet trimestru, kif irrappurtat fl-aħħar stħarriġ tagħna dwar is-self bankarju. Barra minn hekk, l-istandards tal-kreditu għas-self lid-ditti u l-unitajiet domestiċi komplew jissikkaw. Il-banek qed isiru aktar imħassba dwar ir-riskji li jiffaċċjaw il-klijenti tagħhom u huma inqas disposti li jieħdu riskji huma stess.

F’dan l-isfond, id-dinamika tal-kreditu kompliet tiddgħajjef. Ir-rata tat-tkabbir annwali ta’ self lid-ditti naqset drastikament, minn 2.2 fil-mija f’Lulju għal 0.7 fil-mija f’Awwissu u 0.2 fil-mija f’Settembru. Is-self lill-unitajiet domestiċi baqa’ baxx, bir-rata tat-tkabbir tonqos għal 1.0 fil-mija f’Awwissu u 0.8 fil-mija f’Settembru. Fl-isfond tat-tislif batut u t-tnaqqis fil-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, ir-rata tat-tkabbir annwali ta’ M3 naqset għal -1.3 fil-mija f’Awwissu – l-aktar livell baxx irreġistrat sa mill-bidu tal-euro – u kienet għadha -1.2 fil-mija f’Settembru.

Konklużjoni

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. L-informazzjoni li daħlet ikkonfermat b’mod ġenerali l-valutazzjoni preċedenti tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fuq żmien medju. L-inflazzjoni xorta għadha mistennija li tibqa’ għolja wisq għal żmien twil wisq, u l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi jibqgħu qawwijin. Fl-istess ħin, l-inflazzjoni naqset notevolment f’Settembru, inkluż minħabba effetti bażi qawwija, u l-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti komplew ibattu. Iż-żidiet li konna introduċejna fir-rati tal-imgħax jkomplu jiġu trażmessi bis-saħħa fil-kundizzjonijiet tal-finanzjament. Dan qiegħed dejjem aktar inaqqas id-domanda u b’hekk jgħin biex tonqos l-inflazzjoni.

Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tagħna, nikkunsidraw li r-rati jinsabu f’livelli li, jekk jinżammu għal żmien twil biżżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali għar-ritorn f’waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tagħna. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE se jiġu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għal żmien twil kemm ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat dan ir-ritorn f’waqtu. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni.

Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u biex nippreservaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja