Muniti kommemorattivi ta' €2 – 2018
Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor pubblikat f’din il-websajt.
Andorra
Tema: Is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani
Deskrizzjoni: Id-disinn tal-munita juri seba’ turġien (li jirrappreżentaw is-seba' parroċċi jew diviżjonijiet amministrattivi ta’ Andorra) f'għamla ta' muntanji li jwasslu għall-wied, fejn hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ 'ANDORRA' u s-sena tal-ħruġ '2018' . Dawn it-turġien huma, fl-istess ħin, il-fergħat ta’ siġra li jissimbolizzaw lill-umanità, li Andorra hija parti integrali minnhom. 30 werqa joħorġu mill-fergħat ta’ din is-siġra li jirrappreżentaw it-30 artikolu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-iskrizzjoni Katalana '70 ANYS DE LA DECLARACIÓ UNIVERSAL DELS DRETS HUMANS’ (70 sena tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem) iddawwar id-disinn u ssaħħaħ dan l-avveniment kommemorattiv. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 75 000 munita
Volum tal-ħruġ: Novembru 2018
Malta
Tema: Wirt Kulturali
Deskrizzjoni: Id-disinn inħoloq minn student tal-iskola u juri varjetà ta’ temi intrinsiċi għall-wirt Malti inkluż: allużjoni għat-tempji preistoriċi, li huma l-eqdem strutturi permanenti fid-dinja, koppla tal-knisja u kampnar, li hija karatteristika tax-xefaq tal-bliet u l-irħula Maltin u rappreżentazzjoni ta’ dgħajsa tradizzjonali Maltija li ttajjar bandiera Maltija. L-isem tal-pajjiż tal-ħruġ “Malta” qiegħed fuq in-naħa ta’ fuq taċ-ċirku ta’ ġewwa u s-sena “2018” fuq in-naħa ta’ isfel. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.
Volum tal-ħruġ: 320 000 munita
Volum tal-ħruġ: Novembru 2018