Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Pascal Donohoe
Werner Hoyer
Charles Michel
Ursula von der Leyen
  • IL-BLOG TAL-BĊE

Nidderieġu t-tfaddil fl-Ewropa fi tkabbir

9 ta’ Marzu 2023

Minn Paschal Donohoe (President tal-Grupp tal-Euro), Werner Hoyer (President tal-Bank Ewropew tal-Investiment), Christine Lagarde (President tal-Bank Ċentrali Ewropew) Charles Michel (President tal-Kunsill Ewropew) u Ursula von der Leyen (President tal-Kummissjoni Ewropea)

L-Ewropa trid tħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tagħha. Għal dan, irridu nlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex nipprovdu finanzjament effettiv. Din hija t-talba magħmula mill-ħames Presidenti tal-BĊE, tal-BEI, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal- Grupp tal-Euro f'kariga konġunta.

L-Unjoni Ewropea hija determinata li taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali tagħha. Dak li niddeċiedu llum ser jaffettwa lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li jirnexxielna. Il-ħolqien ta’ industriji b'emissjonijiet żero netti, it-tisħiħ tal-kompetittività teknoloġika, u d-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista ser ikunu ferm importanti biex inżommu l-prosperità u s-sovranità strateġika tal-Ewropa fid-deċennji li ġejjin.

Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament huma enormi, u l-akbar sehem jenħtieġ li jiġi minn kapital privat. Ir-rwol tal-investiment pubbliku huwa li jagħti direzzjoni politika u li jinċentiva involviment massiv tal-kapital privat, inkluż permezz tal-involviment tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-banek promozzjonali nazzjonali.

Imxejna bil-mod wisq fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Is-Suq Uniku sostna l-prosperità tal-Ewropa sa mill-ħolqien tiegħu 30 sena ilu billi elimina l-ostakli għall-kummerċ fl-UE u attira l-investiment barrani. Barra minn hekk l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kienet mutur ulterjuri tal-integrazzjoni tas-suq. Iżda mxejna wisq bil-mod fir-rigward ta' element essenzjali wieħed: l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Bħalissa, il-banek fl-Ewropa jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-finanzjament għall-investiment. Madankollu, waħedhom ma jistgħux jgħinu lill-UE tirbaħ it-tellieqa globali tal-investiment, speċjalment meta mqabbla mal-Istati Uniti. Is-self bankarju jammonta għal 75% tas-self korporattiv fl-UE u s-swieq tal-bonds għal 25% - filwaqt li fl-Istati Uniti s-sitwazzjoni hi bil-maqlub.

In-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu tagħna qed ifittxu kapital. In-negozji, speċjalment l-SMEs, qed jitħabtu biex isibu l-finanzjament paċenzjuż u li jiflaħ iġorr riskju, li jeħtieġu biex jinvestu fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Pereżempju, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ishma tal-UE hija inqas minn nofs dik tal-Istati Uniti, f’perċentwal tal-PDG, u wkoll aktar baxxa minn dik tal-Ġappun, taċ-Ċina u tar-Renju Unit. Madankollu, l-Ewropej ifaddlu ħafna aktar mill-Amerikani.

Hija r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li l-kumpaniji Ewropej ikollhom l-opportunitajiet ta’ finanzjament li jfittxu, hawnhekk, fl-UE. Għandna bżonn Unjoni tas-Swieq Kapitali li tidderieġi t-tfaddil vast tal-Ewropa lejn il-muturi tat-tkabbir ta’ għada. Jenħtieġ li negħlbu l-frammentazzjoni attwali tal-oqfsa nazzjonali, u f’xi każijiet ta' swieq kapitali sottożviluppati, biex nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan ser isaħħaħ l-UE bħala destinazzjoni ta’ investiment u jwassal biex l-euro ssir munita saħansitra aktar attraenti.

L-UE diġà ħadet xi passi deċiżivi fil-ħolqien ta’ Suq Uniku għall-kapital. Madankollu, jenħtieġ li nżidu l-isforzi tagħna u l-ambizzjonijiet tagħna biex inneħħu l-ostakli li fadal għall-finanzjament transfruntier u nippermettu armonizzazzjoni aktar profonda. Dan jinkludi liġijiet aktar allinjati dwar l-insolvenza, informazzjoni finanzjarja aċċessibbli b'mod aktar faċli, aċċess simplifikat għas-swieq kapitali, b’mod partikolari għal kumpaniji iżgħar, infrastrutturi tas-suq robusti, u superviżjoni aktar integrata tas-swieq kapitali.

L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jeħtieġ sforz kollettiv, li jinvolvi lil dawk li jfasslu l-politika u lill-parteċipanti fis-suq fl-UE kollha. Jeħtieġ rieda politika qawwija u sjieda fil-livelli kollha tal-gvern. Jeħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Istati Membri fil-Kunsill jiffinalizzaw b’mod urġenti n-negozjati dwar testi leġiżlattivi ewlenin. Dan jirrikjedi kuraġġ u approċċ miftuħ għall-bidla.Aħna determinati li nagħmlu progress.

Iż-żmien qed jagħfas. Għamilna progress notevoli lejn l-integrazzjoni finanzjarja tal-Ewropa f’dawn l-aħħar għoxrin sena iżda wasal iż-żmien li nuru ambizzjoni akbar. Jista' jkollna Unjoni tas-Swieq Kapitali ġenwina fi żmien qasir. Id-deċennji li ġejjin ser jaraw l-akbar trasformazzjoni industrijali ta’ żminijietna. Il-kompetittività fit-tul tagħna ser tiddependi minnha. Ejjew niżguraw li jkollna l-kapital biex dan iseħħ.

Dan il-post fil-Blog tal-BĊE deher bħala artikolu ta’ opinjoni f’diversi gazzetti u siti web madwar l-Ewropa.

Abbona f’dan il-Blog tal-BĊE