Rendikonti finanzjarji tal-BĊE għall-2016
- Qligħ nett tal-BĊE għall-2016: €1.19 biljun (2015: €1.08 biljun)
- Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja: €1.04 biljun (2015: €0.89 biljun)
- Dħul mill-imgħax fuq assi f’riżervi barranin: €370 miljun (2015: €283 miljun)
- Nefqa fuq kompiti superviżorji rkuprata permezz ta’ tariffi: €382 miljun (2015: €277 miljun)
- Daqs tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE: €349 biljun (2015: €257 biljun)
- It-tqassim tal-qligħ interim ta’ €966 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali sar fil-31 ta’ Jannar 2017; il-bqija tal-qligħ (€227 miljun) se titqassam fis-17 ta’ Frar 2017
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) approva r-rendikonti finanzjarji verifikati tal-BĊE għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2016.
Il-qligħ nett tal-BĊE fl-2016 żdied b’€111-il miljun għal €1,193 miljun, l-aktar minħabba żieda fid-dħul nett mill-imgħax mill-portafoll tal-programm tal-akkwist ta’ assi (APP)[1] u mill-portafoll tad-dollaru Amerikan.
Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €1,648 miljun fl-2016 (2015: €1,475 miljun). Id-dħul nett mill-imgħax mill-programm APP żdied b’€275 miljun għal €435 miljun minħabba li kompla l-akkwist ta’ titoli f’dan il-programm. Id-dħul nett mill-imgħax iġġenerat mill-ewwel żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti u mill-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP) naqas minħabba l-fidi għal €88 miljun (2015: €120 miljun) u €520 miljun (2015: €609 miljun) rispettivament. Id-dħul mill-imgħax fuq l-assi f’riżervi barranin żdied għal €370 miljun (2015: €283 miljun) minħabba ż-żieda fid-dħul mill-imgħax iġġenerat mill-portafoll tad-dollaru Amerikan.
Il-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji kien ta’ €225 miljun (2015: €214-il miljun).
Il-valutazzjoni negattiva kienet ta’ €148 miljun (2015: €64 miljun). Iż-żieda fil-valutazzjoni negattiva fl-2016 kienet dovuta l-aktar għal żieda fir-renditi tas-suq tat-titoli miżmumin fil-portafoll tad-dollaru Amerikan u għat-tnaqqis globali fil-valur tas-suq ta’ dawn it-titoli. Skont ir-riżultati tat-testijiet tal-indeboliment li saru għat-titoli miżmumin fil-portafolli tal-politika monetarja, ma kien hemm ebda telf minn indeboliment.
It-tariffi imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni kienu ta’ €382 miljun (2015: €277 miljun). Dawn it-tariffi jiġu imposti biex tiġi rkuprata n-nefqa tal-BĊE mġarrba fir-rigward tal-kompiti superviżorji tiegħu. In-nefqa relatata mal-MSU żdiedet fl-2016 minħabba ż-żieda fit-total ta’ membri tal-istaff li jaħdmu fis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, ir-rilokazzjoni għal bini ġdid u l-provediment ta’ infrastruttura tal-istatistika u tat-teknoloġija tal-informatika.
L-ispiża totali tal-istaff u spejjeż oħra tal-amministrazzjoni żdiedu għal €467 miljun (2015: €441 miljun) u €487 miljun (2015: €423 miljun) rispettivament minħabba ż-żieda fin-nefqa li għandha x’taqsam mal-kompiti superviżorji tal-BĊE.
Il-qligħ nett tal-BĊE jitqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam qligħ interim ta’ €966 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2017. Fil-laqgħa tal-bieraħ il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam il-bqija tal-qligħ ta’ €227 miljun fis-17 ta’ Frar 2017.
Id-daqs totali tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdied b’36% għal €349 biljun (2015: €257 biljun). Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għall-akkwist ta’ titoli fil-programm APP. L-apprezzament tal-assi f’riżervi barranin miżmumin mill-BĊE wkoll ikkontribwixxa għaż-żieda.
Dawn il-fatturi wasslu għal żieda fil-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema,[2] li kibret bi 32% għal €3,663 biljun (2015: €2,781 biljun). L-investimenti tal-Eurosistema f’titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja żdiedu bi €851 biljun għal €1,654 biljun (2015: €803 biljun) minħabba t-titoli akkwistati fil-programm APP. Fil-31 ta’ Diċembru 2016 l-investimenti fil-programm APP kienu jlaħħqu €1,532 biljun (2015: €650 biljun). It-titoli miżmumin fil-programm SMP naqsu b’€21 biljun minħabba l-fidi.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Stefan Ruhkamp (+49 69 1344 5057).
Noti:
- Il-politika tal-kontabilità tal-BĊE u l-Eurosistema: Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa politika tal-kontabilità komuni għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skont l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ) u din ġiet pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.[3] Għalkemm hija bażata b’mod ġenerali fuq il-prattika tal-kontabilità aċċettata b’mod internazzjonali, din il-politika tfasslet speċjalment għaċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Tingħata prominenza partikolari lill-prinċipju tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom skoperturi kbar għar-riskju tal-kambju. Din ix-xejra prudenti tapplika b’mod partikolari għat-trattament differenti tal-qligħ u t-telf mhux realizzat għall-għan tal-għarfien tad-dħul, u għall-projbizzjoni fuq l-innettjar tat-telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi mal-qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-qligħ mhux realizzat jiġi trasferit fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. It-telf mhux realizzat li jaqbeż il-bilanċi relatati tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni jitqies bħala spiża fi tmiem is-sena. It-telf minn indeboliment jgħaddi kollu kemm hu fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf. Bħala parti mill-Eurosistema, il-banek ċentrali nazzjonali kollha taż-żona tal-euro jridu jimxu ma’ din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ kull ġimgħa u fil-karta tal-bilanċ annwali konsolidata tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-banek ċentrali nazzjonali japplikaw b’mod ġenerali l-istess politika tal-BĊE meta jħejju r-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom.
- It-titoli li bħalissa huma miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat (suġġett għal indeboliment).
- Titoli negozjabbli, barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja, jiġu rivalutati bil-prezzijiet tas-suq.
- Id-deheb u l-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha denominati f’munita barranija inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi mill-karta tal-bilanċ jinqalbu f’euro bir-rata tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ.
- Tqassim tal-qligħ/allokazzjoni tat-telf: Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, sa 20% tal-qligħ nett ta’ kwalunkwe sena jista’ jiġi trasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi sa limitu li jkun ekwivalenti għal 100% tal-kapital tal-BĊE. Il-bqija tal-qligħ nett għandha titqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom.
- Fil-każ li l-BĊE jġarrab telf, l-iżbilanċ jista’ jiġi paċut (a) mill-provediment ġenerali tar-riskju u mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u (b) mid-dħul monetarju għas-sena finanzjarja rilevanti, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv. Fl-aħħar, kwalunkwe telf nett li jibqa’ jista’ jidher fil-Karta tal-Bilanċ bħala telf li jittella’ u jiġi paċut ma’ kwalunkwe dħul nett li jidħol fis-sena/snin ta’ wara.
- Investimenti tal-Eurosistema fil-programm SMP: It-tabella ta’ hawn taħt turi t-tqassim skont il-pajjiżi emittenti tal-ammonti pendenti tal-investimenti tal-Eurosistema fil-programm SMP fil-31 ta’ Diċembru 2016.
L-investimenti tal-Eurosistema fil-programm SMP fil-31 ta’ Diċembru 2016
Pajjiż emittent |
Ammont nominali (biljuni ta’ EUR) |
Valur deprezzat [1] (biljuni ta’ EUR) |
Medja tal-maturità li fadal (snin) |
Irlanda |
7.3 | 7.1 | 3.3 |
Greċja |
13.2 | 12.3 | 2.9 |
Spanja |
20.1 | 20.0 | 2.9 |
Italja |
54.9 | 53.6 | 2.9 |
Portugall |
9.5 | 9.2 | 2.5 |
Total [2] |
105.0 | 102.3 | 2.9 |
[1] L-investimenti fl-SMP jiġu valutati b’kost amortizzat.
[2] It-totali jistgħu ma jaqblux minħabba t-tqarrib.
[1]L-APP huwa magħmul mit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP), il-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP). Il-BĊE ma jakkwistax titoli fil-programm CSPP.
[2]Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema hija bażata fuq dejta proviżorja mhix verifikata. Il-kontijiet annwali tal-banek ċentrali nazzjonali kollha se jiġu finalizzati sal-aħħar ta’ Mejju 2017 u l-karta tal-bilanċ annwali konsolidata finali tal-Eurosistema se tiġi pubblikata wara din id-data.
[3]Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), ĠU L 347, 20.12.2016, p. 1, fiha l-politika tal-kontabilità dettaljata tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja