Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

12 ta’ Settembru 2019

Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ħa dawn id-deċiżjonijiet li ġejjin dwar il-politika monetarja:

(1) Ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ depożitu ser titnaqqas b’10 punti bażi għal -0.50%. Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rata fuq il-faċilità ta’ self marġinali ser jibqgħu l-istess fil-livelli attwali tagħhom ta’ 0.00% u 0.25% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv issa jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu fil-livelli attwali jew jitbaxxew sakemm jara li l-prospetti tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod saħħtu f’livell biżżejjed qrib, imma taħt, it-2% fl-orizzont ta’ tbassir tiegħu, u konverġenza bħal din tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

(2) Ix-xiri nett se jerġa’ jinbeda taħt il-programm tax-xiri ta’ assi (APP) tal-Kunsill Governattiv b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun mill-1 ta’ Novembru. Il-Kunsill Governattiv jistenna li dan jibqa’ għaddej għal kemm ikun hemm bżonn biex jissaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u jispiċċa ftit qabel ma jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.

(3) L-investimenti mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP se jkomplu, bis-sħiħ, għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta l-Kunsill Governattiv jibda’ jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ sabiex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

(4) Il-modalitajiet tas-sensiela l-ġdida ta’ operazzjonijiet immirati trimestrali ta’ rifinanzjament fuq perijodu ta’ żmien itwal (TLTRO III) ser jinbidlu biex jiġu ppreservati kundizzjonijiet favorevoli ta’ self mill-banek, tiġi żgurata t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja u jingħata appoġġ addizzjonali lill-pożizzjoni ta’ akkomodament tal-politika monetarja. Ir-rata tal-imgħax f’kull operazzjoni issa se tiġi ffissata fil-livell tar-rata medja applikata fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament fl-Eurosistema matul il-ħajja tat-TLTRO rispettiv. Għal banek li s-self nett eliġibbli jaqbeż punt ta’ referenza, ir-rata applikata f’operazzjonijiet TLTRO III se tkun iktar baxxa, u tista’ tkun baxxa daqs ir-rata tal-imgħax medja fuq il-faċilità ta’ depożitu eżistenti matul il-ħajja tal-operazzjoni. Il-maturità tal-operazzjonijiet ser jiġu estiżi minn sentejn għal tliet snin.

(5) Sabiex tiġi appoġġata t-trażmissjoni tal-politika monetarja bbażata fuq il-bank, ser tiġi introdotta sistema f’żewġ livelli għar-remunerazzjoni ta’ riżerva, fejn parti mill-investimenti bankarji ta’ likwidità fl-eċċess ser tiġi eżentata mir-rata negattiva tal-faċilità ta’ depożitu.

Stqarrijiet għall-istampa separati b’iktar dettalji dwar il-miżuri meħuda mill-Kunsill Governattiv ser jiġu ppubblikati waranofsinhar illum fit-15:30 CET

Il-President tal-BĊE ser jikkummenta fuq il-kunsiderazzjonijiet wara dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda illum fis-14:30 CET.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja