Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhu l-perijodu ta’ skiet?

14 ta'April 2016 (aġġornat fid-29 ta' Jannar 2019)

Il-membri tal-Kunsill Governattiv - li jikludi s-sitt membri tal-Bord Eżekuttiv - u s-sostituti tagħhom, josservaw l-hekk imsejjaħ perijodu ta’ skiet qabel laqgħat importanti. Dan ifisser li jevitaw li jagħmlu kummenti li jistgħu jinfluwenzaw l-aspettattivi dwar deċiżjonijiet tal-politika monetarja fis-sebat ijiem qabel laqgħa skedata dwar dan is-suġġett. Għalhekk, l-interazzjoni tagħhom mal-midja u l-parteċipanti tas-suq (e.g. intervisti jew diskorsi waqt konferenzi) tkun limitata fil-ġranet qabel laqgħat bħal dawn.

Għaliex il-BĊE josserva perijodu ta’ skiet? Is-swieq finanzjarji huma sensittivi ħafna għal dak li jikkomunika bank ċentrali qabel il-laqgħat tiegħu dwar il-politika. Għalhekk ħafna banek ċentrali jużaw xi forma ta’ perjiodu ta’ skiet biex jevitaw volatilità eċċessiva fis-swieq jew spekulazzjoni bla bżonn qabel laqgħat skedati li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax jew deċiżjonijiet oħra tal-politika monetarja. (Sal-2014 il-BĊE kien isejjaħ il-perijodu tas-skiet “purdah” iżda biddel l-isem minħabba l-konnotazzjonijiet antikwati tiegħu fir-rigward tal-ġeneru.)

Madankollu t-trasparenza għadha kruċjali: il-BĊE għandu dmir jispjega r-raġunijiet tal-politika tiegħu lill-pubbliku u lis-swieq. Hu daqstant importanti li min ifassal il-politika jifhem is-swieq finanzjarji - dawn huma l-mezzi li permezz tagħhom tiffunzjona l-politika monetarja li fl-aħħar mill-aħħar ikollha impatt fuq il-kumpaniji u l-individwi. Il-perijodu ta’ skiet hu parti minn sett ta’ prinċipji gwida dwar il-komunikazzjoni esterna approvati mill-membri tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju. Dawn il-prinċipji gwida jgħinuhom iwettqu din il-parti ewlenija ta’ ħidmithom waqt li jżommu l-integrità u l-kredibbiltà tal-BĊE.

Aġġornament: Din l-ispjegazzjoni ġiet aġġornata fid-29 ta’ Jannar 2019 biex tipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett.