Aspettattivi tal-inflazzjoni u r-reviżjoni tal-istrateġija
Kif in-nies jistennew li l-prezzijiet jiżviluppaw fil-futur jinfluwenza kif jonfqu, jissellfu u jinvestu l-flus illum. Dan imbagħad jaffettwa l-ekonomija u għalhekk hu importanti għall-politika monetarja tagħna. Jekk nifhmu aħjar l-aspettattivi tal-inflazzjoni tan-nies, nistgħu nieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati.
Għaliex l-aspettattivi tal-inflazzjoni kienu parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna?
Xi nfissru bi prezzijiet stabbli
Xogħolna hu li nżommu l-prezzijiet stabbli. Nagħmlu dan billi niżguraw li l-inflazzjoni – ir-rata li biha l-prezzijiet ġenerali għall-prodotti u s-servizzi jinbidlu maż-żmien – tibqa’ baxxa, stabbli u prevedibbli.
Aħna nimmiraw għal bersall ta’ inflazzjoni ta’ 2% fuq żmien medju. Iż-żidiet fil-prezzijiet għandhom ikunu żgħar biżżejjed biex ma jinħolqux problemi għan-nies u għan-negozji. Iżda għandhom ikunu kbar biżżejjed biex jevitaw ix-xenarji ħżiena li jistgħu jiżviluppaw jekk l-inflazzjoni taqa’ baxxa wisq.
L-impenn tagħna għal din il-mira huwa simetriku. Dan ifisser li nqisu l-inflazzjoni li hija baxxa wisq bl-istess mod negattiv daqs l-inflazzjoni li hija għolja wisq. It-tnejn li huma ma humiex mixtieqa.
L-aspettattivi tan-nies huma importanti
Il-livell tal-inflazzjoni llum jista’ jinfluwenza kif in-nies jistennew li l-prezzijiet jiżviluppaw fil-futur. Jekk ix-xerrejja u s-sidien tan-negozji jidraw b’inflazzjoni baxxa jew għolja ħafna, jistennew li tibqa’ hekk. Dawn l-aspettattivi huma importanti. In-nies jużawhom biex jagħmlu deċiżjonijiet dwar l-infiq, is-self u l-investiment. In-negozji jżommu wkoll f’moħħhom dawn l-aspettattivi meta jistabbilixxu l-prezzijiet għall-prodotti u s-servizzi tagħhom.
Ladarba dawn l-aspettattivi jimxu ’l bogħod mill-mira tal-inflazzjoni ta’ bank ċentrali, isir diffiċli ħafna għall-bank ċentrali li jidderieġi l-iżvilupp attwali tal-prezzijiet fl-ekonomija lura lejn il-mira tiegħu. Il-bank ċentrali jista’ jgħin biex jevita li n-nies jiffurmaw dawn l-aspettattivi billi jkollu mira ċara u jżomm l-inflazzjoni qrib tagħha. Huwa għalhekk li l-Kunsill Governattiv iddiskuta r-rwol importanti tal-aspettattivi dwar l-inflazzjoni bħala parti mill-analiżi tal-istrateġija.
L-aspettattivi taʼ min dwar l-inflazzjoni huma importanti għalina?
Nies differenti għandhom aspettattivi differenti
Kif il-prezzijiet jinbidlu ma jiddependix biss mill-għadd kbir ta’ deċiżjonijiet li n-negozji u n-nies jieħu kuljum fl-ekonomija, iżda wkoll kif jistennew li l-prezzijiet jiżviluppaw fil-futur. Iżda gruppi differenti ta’ nies, kemm jekk esperti li jinnegozjaw fis-swieq finanzjarji, sidien tan-negozju jew ċittadini, jista’ jkollhom aspettattivi differenti dwar l-inflazzjoni.
Fil-passat, il-banek ċentrali spiss iffukaw fuq l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni tal-parteċipanti tas-suq, kif ukoll dawk ta’ esperti li jwieġbu għal stħarriġ speċjali, meta jieħdu d-deċiżjonijiet. Raġuni waħda għala kienu jħarsu lejn dawn il-gruppi kienet l- aspettattivi tagħhom kienu faċilment aċċessibbli. Ma kienx hemm daqstant informazzjoni affidabbli dwar kif in-negozji u ċ-ċittadini jistennew li l-prezzijiet jinbidlu fil-futur.
L-aspettattivi dwar l-inflazzjoni ta’ kulħadd huma importanti
Imma l-aspettattivi ta’ kulħadd dwar l-inflazzjoni huma importanti. Huwa għalhekk li l-banek ċentrali qed jagħmlu sforz kbir biex jiksbu idea aħjar ta’ kif dawn il-gruppi differenti jistennew li jiżviluppaw il-prezzijiet. Dan jgħinna nieħdu deċiżjonijiet iktar informati. Pereżempju, fil-BĊE għandna stħarriġ ġdid li fih nistaqsu lin-nies l-opinjonijiet tagħhom dwar l-inflazzjoni u l-oqsma tal-ekonomija. Din l-informazzjoni tikkontribwixxi għall-analiżi tagħna u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-azzjonijiet tagħna.
Il-mira l-ġdida tagħna dwar l-inflazzjoni kif tgħin fl-aspettattivi tan-nies?
Tinftieħem faċilment
Il-mira l-ġdida tagħna ta’ inflazzjoni ta’ 2% hija sempliċi, ċara u faċli biex tiġi kkomunikata. In-nies jifhmuha. Dan se jgħinna niżguraw l-aspettattivi tan-nies dwar kif il-prezzijiet se jiżviluppaw fl-ekonomija huma konformi mal-mira l-ġdida tagħna dwar l-inflazzjoni. Dan imbagħad jgħinna nżommu l-prezzijiet stabbli.
ESPLORA S-SUĠĠETTI EWLENIN TAR-REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
QED TFITTEX L-AĦĦAR TAGĦRIF FUQ IR-REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
SIBU HAWN TAĦT