Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Luis de Guindos
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE

Frankfurt am Main, 7 ta’ Marzu 2024

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Sa mill-aħħar laqgħa tagħna f’Jannar, l-inflazzjoni kompliet tonqos. Fl-aħħar tbassir mill-persunal tal-BĊE, l-inflazzjoni ġiet riveduta ’l isfel, b’mod partikolari għall-2024, li jirrifletti prinċipalment kontribuzzjoni aktar baxxa mill-prezzijiet tal-enerġija. Il-persunal issa jbassar inflazzjoni medja ta’ 2.3 fil-mija fl-2024, 2.0 fil-mija fl-2025 u 1.9 fil-mija fl-2026. It-tbassir għall-inflazzjoni li teskludi l-ikel u l-enerġija wkoll ġie revedut ’l isfel u b’medja ta’ 2.6 fil-mija għall-2024, 2.1 fil-mija għall-2025 u 2.0 fil-mija għall-2026. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti komplew itaffu aktar, il-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi jibqgħu għoljin, parzjalment minħabba żieda qawwija fil-pagi. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament huma restrittivi u ż-żidiet fir-rati tal-imgħax fl-imgħoddi jibqgħu jrażżnu d-domanda, li qed jgħin biex titnaqqas l-inflazzjoni. Il-persunal irreveda ’l isfel it-tbassir tiegħu għall-2024 għal 0.6%, bl-attività ekonomika mistennija li tibqa’ kajmana fil-perjodu ta’ żmien fil-qrib. Wara, il-persunal jistenna li l-ekonomija tirpilja u tikber b’1.5% fl-2025 u 1.6% fl-2026, appoġġata inizjalment mill-konsum u wara wkoll mill-investiment.

Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tagħna, nikkunsidraw li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jinsabu f’livelli li, meta jinżammu għal tul ta’ żmien twil biżżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali lejn dan il-għan. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-politika tagħna se jiġu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul taż-żmien li jkun meħtieġ.

Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tasal, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjegaw il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-ekonomija tibqa’ dgħajfa. Il-konsumaturi komplew joqogħdu lura fl-infiq tagħhom, l-investiment immodera u l-kumpaniji esportaw inqas, li jirrifletti tnaqqis fid-domanda esterna u xi telf fil-kompetittività. Madankollu, l-istħarriġ jindika rkupru gradwali matul din is-sena. Hekk kif l-inflazzjoni tonqos u l-pagi jkomplu jiżdiedu, id-dħul reali se jirpilja, li għandu jappoġġa t-tkabbir. Barra minn hekk, l-impatt ta’ trażżin taż-żidiet fil-passat tar-rati tal-imgħax eventwalment se jbatti u d-domanda għall-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro għandha tirpilja.

Ir-rata tal-qgħad tinsab fl-aktar livell baxx sa mill-bidu tal-euro. L-impjiegi żdiedu b’0.3 fil-mija fl-aħħar trimestru tal-2023, li għal darb’oħra jaqbeż ir-ritmu tal-attività ekonomika. B’riżultat ta’ dan, il-produzzjoni għal kull persuna kompliet tonqos. Sadanittant, l-impjegaturi qegħdin jirriklamaw inqas postijiet tax-xogħol battala, filwaqt li inqas ditti qegħdin jirrapportaw li l-produzzjoni tagħhom qed tiġi llimitata minn skarsezzi ta’ manodopera.

Il-gvernijiet għandhom ikomplu jreġġgħu lura l-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-enerġija sabiex jippermettu l-proċess ta’ disinflazzjoni jipproċedi b’mod sostenibbli. Il-politiki fiskali u strutturali għandhom jissaħħu sabiex l-ekonomija tagħna ssir aktar produttiva u kompetittiva, kif ukoll biex tiġi estiża l-kapaċità tal-provvista u gradwalment jitnaqqsu l-proporzjonijiet għoljin tad-dejn pubbliku. Implimentazzjoni aktar veloċi tal-programm Next Generation EU u sforzi aktar determinati biex jitneħħew l-ostakli nazzjonali għal swieq bankarji u tal-kapital aktar profondi u integrati jistgħu jgħinu biex jiżdied l-investiment fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u biex jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet fuq perjodu ta’ żmien medju. Il-qafas rivedut tal-governanza ekonomika tal-UE għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien.

L-inflazzjoni

L-inflazzjoni naqset kemxejn għal 2.8 fil-mija f’Jannar u, skont l-istima preliminari tal-Eurostat, kompliet tonqos aktar għal 2.6 fil-mija fi Frar. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel kompliet tonqos, għal 5.6 fil-mija f’Jannar u 4.0 fil-mija fi Frar, filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija fiż-żewġ xhur komplew jonqsu meta mqabbla ma’ sena ilu iżda b’rata aktar baxxa milli f’Diċembru. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-prodotti wkoll kompliet tonqos, għal 2.0 fil-mija f’Jannar, u 1.6 fil-mija fi Frar. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tas-servizzi, wara li baqgħet 4.0 fil-mija għal tliet xhur konsekuttivi, naqset ftit għal 3.9 fil-mija fi Frar.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti komplew jonqsu f’Jannar hekk kif l-impatt ta’ xokkijiet fil-passat fil-provvista komplew ibattu u l-politika monetarja restrittiva rażżnet id-domanda. Madankollu, il-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi għadhom elevati, parzjalment minħabba żieda robusta fil-pagi u tnaqqis fil-produttività tax-xogħol. Fl-istess ħin, hemm sinjali li ż-żieda fil-pagi qed tibda timmodera. Barra minn hekk, il-profitti qegħdin jassorbu parti mill-ispejjeż tax-xogħol li qegħdin jiżdiedu, li jnaqqas l-effetti ta’ inflazzjoni.

L-inflazzjoni hija mistennija li tkompli din it-tendenza ta’ tnaqqis fix-xhur li ġejjin. Aktar ’il quddiem, hija mistennija li tonqos għall-mira tagħna hekk kif l-ispejjeż tax-xogħol jimmoderaw u l-effetti ta’ xokkijiet fl-imgħoddi tal-enerġija, il-konġestjonijiet fil-provvista u l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija wara l-pandemija jbattu. Il-miżuri tal-aspettattivi inflazzjonarji aktar fit-tul jibqgħu ġeneralment stabbli, bil-biċċa l-kbira jkunu madwar 2 fil-mija.

Valutazzjoni tar-riskji

Ir-riskji għat-tkabbir ekonomiku jibqgħu mxaqilba lejn it-tnaqqis. It-tkabbir jista’ jkun aktar baxx jekk l-effetti tal-politika monetarja jirriżultaw li huma aktar b’saħħithom milli mistenni. Ekonomija dinjija aktar dgħajfa jew tnaqqis ulterjuri fir-ritmu tal-kummerċ globali wkoll jistgħu jrażżnu t-tkabbir taż-żona tal-euro. Il-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kunflitt traġiku fil-Lvant Nofsani huma sorsi ewlenin ta’ riskju ġeopolitiku. Dan jista’ jwassal biex id-ditti u l-unitajiet domestiċi jsiru inqas kunfidenti dwar il-futur u li jiġi mfixkel il-kummerċ globali. It-tkabbir jista’ jkun ogħla jekk l-inflazzjoni tonqos aktar malajr milli mistenni u d-dħul reali li qiegħed jiżdied ikun ifisser li l-infiq jiżdied b’aktar milli huwa antiċipat, jew jekk l-ekonomija dinjija tikber b’mod aktar b’saħħtu milli mistenni.

Ir-riskji ta’ żieda fl-inflazzjoni jinkludu t-tensjonijiet ġeopolitiċi li qegħdin jiżdiedu, speċjalment fil-Lvant Nofsani, li jistgħu jgħollu aktar il-prezzijiet tal-enerġija u n-nollijiet tal-merkanzija fuq perjodu fil-qrib u jfixklu l-kummerċ globali. L-inflazzjoni wkoll tista’ tirriżulta ogħla milli antiċipat jekk il-pagi jiżdiedu b’aktar milli huwa mistenni jew jekk il-marġni tal-profitti jirriżultaw li huma aktar reżiljenti. B’kuntrast, l-inflazzjoni tista’ tkun anqas milli mistenni jekk il-politika monetarja trażżan id-domanda aktar milli mistenni, jew jekk l-ambjent ekonomiku fil-bqija tad-dinja jmur għall-agħar b’mod mhux mistenni.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

Ir-rati tal-imgħax tas-suq żdiedu sa mil-laqgħa li kellna f’Jannar u l-politika monetarja tagħna żammet restrittivi l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar ġenerali. Ir-rati tat-tislif fuq self kummerċjali stabilizzaw b’mod ġenerali, filwaqt li r-rati tas-self domestiku naqsu f’Diċembru u f’Jannar. Madankollu, ir-rati tat-tislif baqgħu elevati, b’rati ta’ 5.2 fil-mija għas-self kummerċjali u 3.9 fil-mija għas-self domestiku.

Is-self bankarju lil ditti qabad rotta pożittiva f’Diċembru, hekk kif kiber b’rata annwali ta’ 0.5 fil-mija. Iżda f’Jannar naqas kemmxejn, għal 0.2 fil-mija, minħabba fluss negattiv fix-xahar. It-tkabbir fis-self lill-unitajiet domestiċi kompla jiddgħajjef, hekk kif naqas għal 0.3 fil-mija fuq bażi annwali f’Jannar. L-aggregat monetarju wiesa’ – kif imkejjel minn M3 – kiber b’rata kajmana ta’ 0.1 fil-mija.

Konklużjoni

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tagħna, nikkunsidraw li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jinsabu f’livelli li, meta jinżammu għal tul ta’ żmien twil biżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali lejn dan il-għan. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-politika tagħna se jiġu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul taż-żmien li jkun meħtieġ. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni.

Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u biex nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja