Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Għaliex l-istatistika tgħallem?

19 ta' Ottubru 2016 (aġġornat fil-25 ta' Jannar 2024)

Nissalvagwardjaw il-kwalità tal-istatistika u nipprovdu fatti affidabbli għad-dibattitu pubbliku

Silke Stapel Weber, Direttur Ġenerali tal-Istatistika

Statistika – fatti jew biċċiet ta’ informazzjoni ġġenerati minn sett ta’ dejta numerika – huma kruċjali għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Ħafna mill-ħidma tagħna, kemm jekk relatata mal-funzjoni ewlenija tagħna tal-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja jew is-superviżjoni bankarja, tiddependi fuq statistika ta’ kwalità għolja – ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet infurmati li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies li jgħixu fil-pajjiżi li jużaw l-euro.

L-analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi, monetarji u finanzjarji mħejjija għal kull laqgħa tal-politika monetarja hija eżempju ċar tar-raġuni għaliex l-istatistika hija importanti għall-BĊE u l-ekonomija. Din l-istatistika sservi bħala kontribut ewlieni għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika monetarja, li min-naħa tagħhom jinfluwenzaw ir-rati tal-imgħax li n-nies u n-negozji jħallsu. Indirettament, l-istatistika taffettwa l-ħajja ta’ ħafna.

L-importanza ta’ statistika ta’ kwalità għolja u indipendenti

Deċiżjonijiet sodi jeħtieġu statistika ta’ kwalità għolja. Aħna nimxu ma’ standards riġorużi biex inkunu ċerti li l-istatistika tal-BĊE tkun preċiża, konsistenti, f’waqtha u magħmula skont l-istandards internazzjonali mingħajr ebda ndħil barrani. L-indipendenza tal-istatistika uffiċjali hija fundamentali għas-salvagwardja tal-kwalità tagħha. Hija mnaqqxa fil-leġiżlazzjoni Ewropea biex jiġu evitati l-influwenza politika u l-kunflitti ta’ interess li jistgħu jaffettwaw il-forniment tad-dejta. Dan jiżgura li n-nies ikunu jistgħu jafdaw din id-data meta tintuża bħala bażi għal politiki li jaffettwaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

L-importanza ta’ dejta dettaljata

Il-kriżi finanzjarja globali enfasizzat il-ħtieġa li tinġabar dejta rilevanti u aktar granulari (mikrodejta). B’riżultat ta’ dan, l-ambitu tal-istatistika tal-bank ċentrali qed imur lil hinn mill-aggregati – li invarjabbilment jinvolvu medji – biex ikopru wkoll mikrodejta (aktar dettaljata), sabiex jiġu identifikati sinjali ta’ twissija fis-sistema finanzjarja fi stadju bikri, pereżempju fil-livell ta’ self individwali, tranżazzjonijiet u banek.

Dejta granulari tista’ twassal għal fehim aħjar ta’ kif il-politika monetarja tiġi trażmessa lill-irkejjen differenti tal-ekonomija. Tista’ tgħin fit-titjib tat-tfassil ta’ miżuri ta’ politika futuri u tippermetti reazzjoni politika aktar f’waqtha.

Il-proġett AnaCredit tal-BĊE, li jiġbor fih sett ġdid ta’ dejta b’tagħrif dettaljat fuq is-self ta’ banek individwali fiż-żona tal-euro, huwa eżempju tajjeb ta’ kif nużaw dejta granulari.

Xkiel għall-ġbir ta’ dejta dettaljata

Il-ġbir ta’ informazzjoni statistika dettaljata jista’ jkun pjuttost diffiċli, speċjalment fir-rigward tal-għażla ta’ metodoloġiji u metodi ta’ kalkolu li jiżguraw il-komparabbiltà bejn il-pajjiżi.

Sfida oħra hija l-kisba ta’ informazzjoni minn entitajiet li joperaw barra s-sistema bankarja u li jista’ jkollhom impatt fuq is-sistema finanzjarja, u għalhekk ukoll fuq il-politika monetarja. Żewġ eżempji huma l-fondi protetti (hedge funds) – sħubijiet ta’ investiment li jiġbru flimkien il-flus ta’ għadd limitat ta’ investituri individwali jew istituzzjonali – u l-banek paralleli (shadow banks), entitajiet li jipprovdu servizzi bħalma jagħmlu l-banek iżda ma jkollhomx aċċess espliċitu għal-likwidità tal-banek ċentrali u mingħajr is-sorveljanza regolatorja meħtieġa fil-każ ta’ banek regolari.

Barra minn hekk, wieħed dejjem għandu jkun ċert li d-dejta individwali tibqa’ kunfidenzjali, l-iżjed fil-każ ta’ dejta superviżorja li tintuża f’attivitajiet li jsiru flimkien ma’ partijiet esterni.

L-importanza ta’ dejta armonizzata

L-armonizzazzjoni tad-dejta hija wkoll kruċjali għax twassal għal riżultati siewja u tqabbil affidabbli. Hekk, nistgħu nafdaw fl-eżattezza tad-dejta fuq l-inflazzjoni billi din tiġi minn dejta nazzjonali abbażi ta’ sett komuni ta’ definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet: fi kliem ieħor jintuża l-istess tip ta’ basket tax-xiri għall-prodotti u s-servizzi.

Statistika armonizzata u standardizzata tagħmilha aktar faċli għal dawk li jfasslu l-politika biex ifasslu risponsi ta’ politika f’waqthom u mmirati għall-iżviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro.

Fl-istess ħin, l-istatistika titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għall-banek, il-kumpaniji, l-unitajiet domestiċi u aġenti oħra li jirrapportaw biex jużaw fl-analiżi tad-dejta u l-punti ta’ riferiment tagħhom stess.

Kif issib l-istatistika tal-BĊE

Naturalment, l-istatistika li jiġbor, jiżviluppa u jħejji l-BĊE titfa’ l-lenti tagħha primarjament fuq iż-żona tal-euro. Iżda aħna naqsmu wkoll dejta importanti ma’ ħaddieħor.

Tista’ tikseb firxa wiesgħa ta’ statistika jew mill-Portal tad-dejta tal-BĊE komprensiv tagħna.

Il-Portal tad-dejta tal-BĊE jinkludi:

  • Il-politika tal-BĊE/Eurosistema u r-rati tal-kambju
  • statistika tal-flus, kreditu, banek u swieq finanzjarji
  • bilanċ tal-pagamenti u statistika esterna oħra
  • statistika makroekonomika u settorjali:
  • statistika tal-ħlas
  • statistika superviżorja u prudenzjali
  • dejta li għandha x’taqsam mal-inflazzjoni, prezzijiet oħra, kostijiet, produzzjoni u swieq tax-xogħol

Is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali hija kburija li hija waħda miż-żewġ sorsi Ewropej ta’ statistika Ewropea ta’ kwalità għolja. Dan huwa possibbli bis-saħħa tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, kif ukoll mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-uffiċċji nazzjonali u internazzjonali tal-istatistika, inkluż l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE Eurostat.

Esplora d-dinja tagħna tal-istatistika

L-istatistika hija essenzjali biex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati Aħna nipprovdu firxa wiesgħa ta’ statistika uffiċjali dwar is-saħħa tal-ekonomija.