Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet frekwenti dwar id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro

Aġġornati fit-30 ta’ Novembru 2023

M1 Għaliex għandna bżonn karti tal-flus ġodda?

Il-banek ċentrali kollha regolarment itejbu l-karti tal-flus tagħhom jew jiżviluppaw oħrajn ġodda biex jiskoraġġixxu lill-falsifikaturi. L-ewwel sensiela ta’ karti tal-flus tal-euro ddaħħlet aktar minn 20 sena ilu u t-tieni sensiela bdiet tidħol fiċ-ċirkolazzjoni fl-2013. Issa ninsabu fil-proċess li niżviluppaw karti tal-flus tal-euro għall-futur. Din hija opportunità biex isiru wkoll aktar attraenti, relatabbli u inklużivi għall-Ewropej kollha, inklużi l-persuni li jbatu biex jaraw.

Irridu wkoll li l-karti tal-flus tal-euro jkunu kemm jista’ jkun sostenibbli u jħarsu l-ambjent, u għalhekk qed inħarsu lejn opportunitajiet biex innaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom.

M2 Għaliex għandna bżonn disinn ġdid għall-karti tal-flus?

Il-karti tal-flus tal-euro huma simbolu tanġibbli u viżibbli tal-unità Ewropea u hija r-responsabbiltà tagħna li nżommuhom aġġornati. Bħala parti mill-proċess ta’ żvilupp regolari, 20 sena wara l-introduzzjoni tal-ewwel karti tal-flus tal-euro wasal iż-żmien li nirrevedu d-disinn tagħhom. B’mod konformi mal-istrateġija tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti nimmiraw li niżviluppaw karti tal-flus tal-euro attraenti li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jidentifikaw magħhom.

M3 Għaliex issa? Dan huwa ż-żmien it-tajjeb biex tiġi żviluppata sensiela ġdida ta’ karti tal-flus?

Iridu jgħaddu bosta snin biex jiġu żviluppati karti tal-flus ġodda, jiġu prodotti u jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni fiż-żona tal-euro kollha. Il-karti tal-flus ġodda normalment jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni kull għaxar snin sa ħmistax-il sena biex jitjiebu s-sigurtà u r-reżiljenza u jibqgħu aktar avvanzati mill-falsifikaturi. Huwa importanti li l-proċess ta’ żvilupp jinbeda kmieni biżżejjed biex inkunu ppreparati ladarba tittieħed deċiżjoni biex titnieda sensiela ġdida.

M4 Kif jaħdem il-proċess tad-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus il-ġodda?

Id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro jikkonsisti f’żewġ fażijiet konsekuttivi:

  1. L-għażla ta’ tema futura għall-karti tal-flus tal-euro
    1. Aħna kkummissjonajna studju biex nikkonsultaw liċ-ċittadini Ewropej fi gruppi fokali dwar il-fehmiet tagħhom dwar temi futuri possibbli. Ir-riżultati servew bħala input għall-passi sussegwenti.
    2. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ppropona seba’ temi, inklużi sitt proposti mill-Grupp Konsultattiv dwar it-Temi (grupp ta’ esperti nnominati mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema u maħtura mill-BĊE), u tema proposta mill-Kunsill Governattiv.
    3. Iċ-ċittadini Ewropej ingħataw l-opportunità li jesprimu l-preferenzi tagħhom dwar is-seba’ temi proposti fi stħarriġ imwettaq minn kumpanija esterna tar-riċerka fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro kif ukoll fi stħarriġ online li sar mill-BĊE.
    4. Il-Kunsill Governattiv imbagħad għażel żewġ temi possibbli għall-karti tal-flus futuri, filwaqt li qies ir-riżultati tal-istħarriġ.
  2. L-iżvilupp ta’ disinji ġodda għall-karti tal-flus tal-euro
    1. Ladarba l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jkun għażel t-temi ġodda possibbli, jibda x-xogħol fuq l-għażla tal-motifi potenzjali u fuq it-tħejjija ta’ kompetizzjoni tad-disinn. Id-dettalji tal-kompetizzjoni se jiġu ppubblikati fuq il-kanali uffiċjali tal-BĊE meta jasal il-waqt.
    2. Iċ-ċittadini Ewropej se jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar lista qasira ta’ disinji.
    3. Il-Kunsill Governattiv huwa mistenni jiddeċiedi dwar id-disinn futur fl-2026.

Għal aktar informazzjoni agħti ħarsa lejn il-paġna web tal-proċess tad-disinn mill-ġdid.

M5 Għaliex għażiltu “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u Għasafar” bħala t-temi possibbli għall-karti tal-flus tal-futur?

Irridu nisimgħu l-fehmiet taċ-ċittadini Ewropej matul il-proċess ta’ disinn mill-ġdid. It-temi għalhekk intgħażlu abbażi tas-sejbiet tal-istħarriġ pubbliku (ara M7) u bl-għajnuna ta’ grupp ta’ konsulenza indipendenti.

Ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ tagħna wrew appoġġ qawwi għat-temi ta’ “Il-Kultura Ewropea”, “Ix-xmajjar: l-ilmijiet tal-ħajja fl-Ewropa" u “L-għasafar: ħielsa, reżiljenti, ispiranti”. Sabiex jirrifletti l-preferenzi tal-pubbliku b’mod kemm jista’ jkun wiesa’, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikkombina t-temi relatati man-natura u mal-ambjent f’tema waħda msejħa “Xmajjar u Għasafar”. B’riżultat ta’ dan, qed nimxu għall-fażi li jmiss tal-proċess b’żewġ temi: “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u Għasafar”.

M6 Meta se jkollna l-karti tal-flus bid-disinn ġdid fil-bwiet tagħna?

Wara li jitlesta d-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE se jiddeċiedi meta jipproduċihom u joħroġhom. Wara dan iridu jgħaddu xi snin biex issir il-produzzjoni tagħhom u biex eventwalment jidħlu f’ċirkolazzjoni u jispiċċaw fil-bwiet tagħna.

Id-denominazzjonijiet differenti tas-sensiela attwali tal-karti tal-flus tal-euro ġew introdotti gradwalment fuq medda ta’ bosta snin. S’issa għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar meta u kif il-karti tal-flus tal-euro futuri se jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni.

M7 X’inhu r-rwol tal-pubbliku fil-proċess tat-tfassil mill-ġdid?

Nistiednu liċ-ċittadini kollha taż-żona tal-euro biex jieħdu sehem fl-istħarriġ pubbliku tagħna. Huwa importanti ħafna għalina li d-deċiżjonijiet meħuda matul il-proċess jirriflettu l-opinjonijiet tal-pubbliku Ewropew.

Bdejna l-proċess bi stħarriġ kwalitattiv li sar fiż-żona tal-euro biex nifhmu l-preferenzi tal-pubbliku dwar it-tema tal-karti tal-flus tal-euro futuri. Imbagħad, fis-sajf tal-2023, stedinna lill-pubbliku biex jieħu sehem fl-istħarriġ online tagħna dwar temi possibbli. B’mod parallel, qabbadna kumpanija esterna tar-riċerka biex twettaq stħarriġ simili li għandu l-għan li jiżgura l-aħjar rappreżentanza possibbli tal-popolazzjoni taż-żona tal-euro.

Wara l-għażla tal-motifi u l-kompetizzjoni tad-disinn, aħna nkejlu l-preferenzi tal-pubbliku minn lista qasira ta’ disinji possibbli. Dan huwa mistenni li jseħħ fl-2025.

M8 Il-materjal jew id-daqs tal-karti tal-flus tal-ġejjieni se jinbidlu fil-proċess tad-disinn mill-ġdid u se jidhru denominazzjonijiet ġodda?

Il-karti tal-flus tal-euro tagħna huma stampati fuq karta tal-fibra tal-qoton, li tagħtihom is-sodezza speċjali tagħhom u r-reżistenza għall-kedd. Qegħdin nesploraw kontinwament modi biex intejbu ċ-ċiklu tal-ħajja tal-karti tal-flus tal-euro u nnaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom.

Qed naħdmu fuq il-bażi li nżommu d-denominazzjonijiet attwali (€5, €10, €20, €50, €100 u €200). Id-daqsijiet u l-kuluri x’aktarx ukoll jibqgħu bħal dawk tal-karti tal-flus attwali, biex jiffaċilitaw il-bidla u jillimitaw l-ispejjeż tal-adattament tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus.

M9 Min se jiddeċiedi dwar it-tema finali u d-disinji?

Id-deċiżjoni finali se tittieħed mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, abbażi tal-fehmiet tal-pubbliku Ewropew u l-kontribut tal-gruppi ta’ esperti. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv se jitħabbru fuq is-sit web tal-BĊE matul il-proċess kollu meta jasal il-waqt.

M10 Se jkun hemm konsultazzjonijiet ma’ gruppi vulnerabbli matul il-proċess ta’ disinn mill-ġdid (eż. persuni li jbatu biex jaraw)?

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema jżommu kuntatt regolari mal-partijiet interessati kollha. Saru konsultazzjonijiet regolari mal-Unjoni Ewropea għall-Għomja waqt l-iżvilupp tas-sensiela attwali tal-karti tal-flus, u dawn komplew minn dak iż-żmien u se jkomplu matul il-proċess kollu tad-disinn mill-ġdid.