Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhu l-programm ta’ xiri ta’ assi tal-BĊE?

22 ta’ Jannar 2015 (aġġornat fit-22 ta’ Novembru 2022)

Il-programm ta' xiri ta' assi kif għen lill-BĊE jissodisfa l-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet?

Il-BĊE għandu mira simetrika ta’ inflazzjoni — dan ifisser li kemm devjazzjonijiet negattivi kif ukoll pożittivi mill-mira ta’ 2% huma meqjusa ugwalment mhux mixtieqa. F’perjodu fejn hemm ir-riskji tal-inflazzjoni jkunu baxxi wisq għal żmien twil u r-rati tal-imgħax fuq żmien qasir huma qrib il-livell l-aktar baxx tagħhom, ir-rati tal-imgħax waħedhom mhumiex biżżejjed biex il-bank ċentrali jmexxi l-inflazzjoni eqreb lejn it-2%. Sabiex jissodisfa l-mandat tiegħu, il-BĊE jeħtieġlu juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, inkluż ix-xiri ta’ assi.

X’inhuma l-benefiċċji tal-programm ta’ xiri ta’ assi?

Il-BĊE għandu mandat ċar: iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-programm tax-xiri ta’ assi għen biex l-inflazzjoni terġa’ tikkonforma mal-mira tal-inflazzjoni tal-BĊE. Għen ukoll lin-negozji madwar l-Ewropa jgawdu minn aċċess aħjar għall-kreditu, ta spinta lill-investiment, ħoloq l-impjiegi u appoġġa t-tkabbir ekonomiku ġenerali li huwa essenzjali biex l-inflazzjoni tiġi stabbilizzata fil-mira tagħha ta’ 2%.

Il-programm tax-xiri ta' assi huwa skont il-liġi?

Iva. Il-BĊE jimplimenta l-politika monetarja taż-żona tal-euro. Huwa jissodisfa l-mandat tal-istabbiltà tal-prezzijiet bl-użu tal-istrumenti ddefiniti fit-Trattati. Ix-xiri outright (xiri definittiv jew dirett) ta' strumenti negozjabbli huwa msemmi espliċitament fl-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ. Dan jinkludi l-kapaċità ta' xiri ta' strumenti bħal bonds tal-gvern, sakemm dawn jinxtraw minn investituri fis-suq sekondarju u mhux mis-suq primarju, jiġifieri mhux direttament mill-Istati Membri. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li x-xiri ta’ assi jaqa’ taħt il-mandat tal-politika monetarja tal-BĊE.

Il-programm tax-xiri ta' assi huwa finanzjament monetarju?

Il-BĊE josserva strettament il-projbizzjoni dwar il-finanzjament monetarju billi ma jixtrix mis-suq primarju. Jixtri bonds biss ladarba jkun ġie identifikat prezz tas-suq; dan jiżgura li ma jfixkilx l-ipprezzar tar-riskju fis-suq. Barra minn hekk, il-BĊE stabbilixxa għadd ta’ salvagwardji ulterjuri fir-rigward tan-natura, l-ammont u ż-żmien tax-xiri ta’ assi tiegħu.

Il-BĊE huwa l-uniku bank ċentrali li jagħmel operazzjonijiet ta' xiri ta' assi?

Ħafna banek ċentrali użaw xiri dirett, spiss imsejjaħ faċilitazzjoni kwantitattiva, jew QE, bħala parti mill-politika monetarja tagħhom. Intuża fost oħrajn mill-Federal Reserve Board, il-Bank of England u l-Bank of Japan. L-operazzjonijiet tas-suq miftuħ huma strument ewlieni tal-banek ċentrali, anki fi żminijiet normali. Ix-xiri dirett isir speċjalment utli meta r-rati tal-imgħax tal-politika monetarja ma jkunux jistgħu jitnaqqsu aktar. Dawn jistgħu jgħinu lill-banek ċentrali jwettqu l-mandat tagħhom. Fil-każ tal-BĊE dan ifisser li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, u b’hekk jiġu appoġġati t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

Iżda l-programm ma jgħabbix lill-banek ċentrali nazzjonali bit-telf? Kif inhu kompatibbli dan ma' politika monetarja unika?

Xi riskji taħt il-programm mhumiex kondiviżi madwar l-Eurosistema iżda jibqgħu f’idejn il-banek ċentrali nazzjonali individwali. Il-BĊE huwa impenjat favur il-prinċipju tal-kondiviżjoni tar-riskju, u huwa għalhekk li 20% tax-xiri jaqa’ taħt ir-reġim sħiħ tal-kondiviżjoni tar-riskju. Dan itaffi t-tħassib dwar il-konsegwenzi fiskali potenzjali mhux intenzjonati.

L-Istatut tas-SEBĊ jipprevedi li huwa l-Kunsill Governattiv li jiddeċiedi kif u sa liema punt it-telf jinqasam fi ħdan l-Eurosistema. Il-mekkaniżmi interni tal-kondiviżjoni tat-telf bl-ebda mod ma jimminaw l-uniċità tal-politika monetarja tagħna. Il-banek ċentrali nazzjonali kollha u l-BĊE jipparteċipaw fix-xiri ta’ assi. Hemm ammont globali u x-xiri jiġi kkoordinat ċentralment mill-BĊE. Ix-xiri jiġi kkalibrat biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro kollha kemm hi, u jqis l-istruttura istituzzjonali unika taż-żona tal-euro, fejn munita komuni u politika monetarja unika jeżistu flimkien mal-politika fiskali u ekonomika nazzjonali. Dan l-arranġament huwa mfassal speċifikament għall-APP u jiżgura l-ogħla grad ta’ effettività minħabba li jqis l-istruttura istituzzjonali tagħna.

Il-programm tax-xiri ta' assi għandu l-għan li jgħin pajjiżi speċifiċi?

L-APP huwa mfassal biex ireġġa' l-inflazzjoni u l-aspettattivi dwarha lura għal livelli eqreb lejn l-għan tal-BĊE fiż-żona tal-euro kollha kemm hi. Ma jnaqqasx id-dejn ta' pajjiżi partikolari.

ARA WKOLL

Skopri aktar dwar kontenut relatat

Tagħrif ieħor

Programm ta' xiri ta' assi