Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Frodi – użu ħażin tal-isem u tal-logo tal-BĊE

Il-kriminali jużaw l-isem u/jew il-logo tal-BĊE għal skopijiet frodulenti?

Iva. Il-membri tal-pubbliku spiss jirrappurtaw skemi ta’ frodi li fihom l-isem u/jew il-logo tal-BĊE jintużaw ħażin, kif ukoll skemi fejn il-membri tal-persunal tal-BĊE jiġu impersonati. F'każijiet oħra, il-kriminali jużaw numri tat-telefon, indirizzi tal-email jew siti web li jidhru li huma mill-BĊE.

Jekk xi ħaġa tidher stramba f’email li tirċievi, huwa importanti li ma tikklikkja fuq ebda link li jkun hemm f’dik l-email, ma tiftaħ l-ebda anness tagħha u ma tirrispondix għal stediniet jew kampanji.

Jekk xi ħadd jikkuntattjak u jgħid li jaħdem għall-BĊE u qed iżomm flus li jappartjenu lilek, dan ikun qed jipprova jqarraq bik. Ma nżommux kontijiet għall-membri tal-pubbliku.

Jekk tirċievi telefonata mhux mitluba minn dak li jidher li huwa numru tat-telefon tal-BĊE (jiġifieri +49 69 1344 XXXX) jew email minn indirizz elettroniku tal-BĊE, tagħti ebda informazzjoni personali jew finanzjarja. 

Il-BĊE qatt ma huwa se jitolbok għal data personali tiegħek permezz ta’ posta, email, telefown, messaġġ testwali jew messaġġ instantanju. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv qatt ma huma se jikkuntattjawk dwar il-ġid personali tiegħek jew dwar kwistjonijiet finanzjarji jew sabiex jippromwovu skemi ta' investiment.

L-intelliġenza artifiċjali (IA) wasslet għal żieda f'filmati foloz sofistikati ħafna jew f’siti web li jidhru li juru lill-persunal tal-BĊE jippromwovi skemi ta' investiment. L-IA tista’ toħloq vidjows u awdjo realistiċi, u tista’ tintuża wkoll biex toħloq telefonati foloz.

Jekk tissuspetta li sit web li jiddikjara li nħoloq mill-BĊE huwa falz, jekk jogħġbok għarrafna permezz tal-Formola ta' Talba għal Informazzjoni tagħna. Jekk temmen li inti sfajt vittma ta' frodi fuq sit web bħal dan, għandek tikkuntattja lill-awtorità lokali tiegħek, eż. lill-pulizija lokali tiegħek.  

X’inhuma l-aktar tipi komuni ta’ frodi?

L-aktar tipi komuni ta’ frodi jinvolvu frodisti:

  • li joħolqu profili foloz fuq il-media soċjali tal-membri tal-Bord Eżekuttiv jew tal-BĊE għall-promozzjoni tal-investimenti 
  • li jgħidu lin-nies li l-BĊE qed jiġbor tariffi għal trasferimenti transfruntieri
  • li jsostnu li l-BĊE huwa bank kummerċjali li jipprovdi servizzi bankarji online
  • li jitolbu lin-nies biex jagħmlu ħlas permezz ta’ sit elettroniku falz tal-BĊE għal attività bankarja online jew permezz ta’ dipartiment falz tas-servizz tal-konsumatur tal-BĊE
  • Li jitolbu lin-nies biex jagħmlu pagament minħabba li l-BĊE qed jimblokka trasferiment ta’ flus
  • jitolbu pagament minħabba li l-BĊE qed jiġbor depożiti jew pagamenti għax-xiri jew it-tisrif tal-bitcoin jew kriptoassi oħra, jew minħabba li qed jirkupra fondi għal persuni li sfaw vittmi ta’ frodi;
  • jinkoraġixxu lin-nies biex jieħdu self mill-BĊE b’termini attraenti ħafna
  • jikkuntattjaw lin-nies minn dak li jkun jidher bħala numru tat-telefon tal-BĊE (jiġifieri +49 69 1344 XXXX) jew minn dik li tkun tidher bħala email mill-BĊE mingħajr ebda raġuni apparenti jew mingħajr ebda skambju minn qabel.
  • taparsi jaħdmu għal kumpaniji li jaġixxu f'isem il-BĊE, pereżempju biex jirkupraw flus li qabel kienu ntilfu fi scams

Dawn huma kollha scams.

Kif nista’ nagħraf skema frodulenti li tinvolvi l-isem u/jew il-logo tal-BĊE?

Il-messaġġi mill-frodisti spiss jidhru li ġejjin mill-BĊE, iżda tipikament ikun fihom żbalji. Dawn huma xi suġġerimenti li se jgħinuk tagħraf skema ta’ frodi (scam):

  • Iċċekkja l-isem ta’ min bagħat l-email: email mibgħuta mill-BĊE dejjem tkun minn indirizz elettroniku li jispiċċa bi @ ecb.europa.eu jew @ ecb.int. Qatt ma għandek tafda email li tkun ġiet forwarded. Kun af li l-indirizzi tal-email jistgħu jiġu ffalsifikati biex jidhru bħallikieku ntbagħtu mill-BĊE (“email spoofing”).
  • Iċċekkja l-links fl-email: poġġi l-maws fuq il-link (mingħajr ma tikklikkja fuqha). Dan jurik it-test sħiħ tal-link. Xi programmi tal-email juru dan fil-parti t’isfel tal-iskrin. Jekk il-link ma tinkludix “ecb.europa.eu”, l-email hija probabbilment waħda qarrieqa.
  • Iċċekkja t-test fl-emails jew fuq siti web għal kliem mhux tas-soltu, żbalji ortografiċi u żbalji tipografiċi.
  • Iċċekkja n-numru tat-telefon ta’ min ikun qed iċempel bla ma tkun għamilt kuntatt miegħu/magħha qabel: jekk jidher li huwa numru tat-telefown tal-BĊE (+49 69 1344 XXXX), jista’ jkun li inti sfajt soġġett(a) għal “spoofing tal-caller ID”. Dan iseħħ meta min iċempel, jiffalsifika apposta l-informazzjoni trasmessa biex jaħbi n-numru li minnu jkun qed iċempel.
  • F'vidjos foloz, anke meta tkun intużat l-intelliġenza artifiċjali, il-vuċi tista' ma tkunx sinkronizzata kif xieraq max-xufftejn tal-kelliem(a) u l-immaġni jista' jkollha difetti fiha.
  • B’mod ġenerali, oqgħod attent(a) ħafna dwar emails jew telefonati mhux mistennija jew dwar kwalunkwe sit web, vidjow jew forma oħra ta’ komunikazzjoni li titolbok tieħu azzjoni immedjata (eż. tittrasferixxi l-flus b’mod urġenti) jew li tippreżenta l-affarijiet b’mod sabiħ wisq biex ikunu veri.

X’tista’ tagħmel biex tipproteġi ruħek?

Qatt m’għandek tittrasferixxi flus mingħajr ma tkun taf min se jirċevihom, u qatt ma għandek tiżvela informazzjoni bħan-numru tal-kont bankarju tiegħek, dettalji tal-ID personali tiegħek jew kwalunkwe informazzjoni personali oħra.

Il-BĊE mhuwiex responsabbli għall-użu ħażin tal-isem, tal-logo u/jew tal-indirizz u/jew tan-numri tat-telefown tiegħu minn scams li jiffrodaw lill-membri tal-pubbliku. Irrapporta każijiet ta’ frodi lill-pulizija jew fittex parir mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti.

ARA WKOLL

Sir af aktar dwar kontenut relatat

Id-dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà u l-politika dwar id-drittijiet tal-awtur tal-BĊE

Il-BĊE jżomm dan is-sit web biex itejjeb l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u l-attivitajiet tas-SEBĊ, il-kompiti u r-responsabbiltajiet superviżorji. L-għan tagħna huwa li din l-informazzjoni tkun f’waqtha u preċiża. Madankollu, il-BĊE ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew imputabilità għal dak li għandu x’jaqsam mal-materjal li jinsab f’dan is-sit elettroniku.

Ċaħda ta’ responsabbiltà u dritt tal-awtur