Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
  • IL-BLOG TAL-BĊE

25 sena ta’ għaqda tal-euro

24 ta’ Mejju 2023

Minn Christine Lagarde

L-euro huwa aktar minn munita, tgħid il-President Christine Lagarde. Huwa l-aktar forma b'saħħitha ta' integrazzjoni Ewropea u jirrappreżenta Ewropa magħquda li taħdem għalenija, tipproteġi u tibbenefika liċ-ċittadini kollha tagħha. Il-BĊE, bl-impenn tiegħu għall-istabbiltà tal-prezzijiet, dejjem se jkun il-pedament ta' dak l-isforz.

Fl-1 ta’ Ġunju 1998, il-Bank Ċentrali Ewropew twaqqaf biex iħejji għat-tnedija tal-euro – l-akbar bidla fil-munita li qatt saret fid-dinja. Bħala avukatessa dak iż-żmien, niftakar kemm konna nirrevedu b’mod frenetiku kuntratti bbażati fuq rati tal-kambju li dalwaqt kienu se jisparixxu. Tista’ taħdem verament il-munita komuni? Illum, hekk kif qegħdin niċċelebraw il-25 anniversarju ta’ din l-istituzzjoni, nafu li din taħdem u li l-euro ġabet lill-Ewropa eqreb lejn xulxin.

Fdati mill-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea biex jissalvagwardjaw l-euro, il-persunal tagħna fi Frankfurt, flimkien mal-kollegi fl-20 bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, jaħdmu bla heda biex niksbu l-mandat tagħna li nżommu l-istabbiltà tal-prezzijiet. Din il-ħidma hija kruċjali għall-prosperità taċ-ċittadini Ewropej.

Matul dawn l-aħħar 25 sena, aħna lqajna disa’ pajjiżi ġodda fiż-żona tal-euro, li wassluna minn 11 għal 20. U ħadna rwoli ġodda, inkluża s-superviżjoni tal-banek Ewropej. Illum l-euro huwa t-tieni l-aktar munita importanti fis-sistema monetarja internazzjonali, wara d-dollaru Amerikan.

Kien hemm xi żminijiet iebsa tul it-triq. Iżda matul iż-żminjiet ekonomiċi pożittivi u negattivi mmexxijin mill-predeċessuri tiegħi Wim Duisenberg, Jean-Claude Trichet u Mario Draghi, il-BĊE dejjem iffoka fuq il-bini ta’ pedament aktar b’saħħtu għall-futur tal-Ewropa permezz tat-twettiq tal-mandat tagħna.

Il-pandemija u l-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukraina wrew li l-istabbiltà ma tistax titqies bħala ħaġa faċli. U r-rivalitajiet ġeopolitiċi li qegħdin jikbru jistgħu jfissru li l-ekonomija globali ssir dejjem aktar volatili fil-futur. F’dinja ta’ inċertezza, il-BĊE kien, u se jibqa’, ankra affidabbli ta’ stabbiltà.

Aħna wrejna li nistgħu naġixxu u nadattaw malajr anki fid-dawl tal-isfidi l-aktar serji. Ftit xhur biss wara li sirt President tal-BĊE, irrispondejna malajr għall-pandemija b’firxa ta’ miżuri biex nappoġġaw l-ekonomija taż-żona tal-euro matul il-fażi l-aktar akuta tagħha u evitajna r-riskji deflazzjonarji.

Illum, qed naġixxu bl-istess determinazzjoni biex innaqqsu l-inflazzjoni. Wara snin ta’ inflazzjoni baxxa wisq, l-inflazzjoni issa hija għolja wisq u mistennija tibqa’ hekk għal żmien twil wisq. Dan inaqqas il-valur tal-flus, inaqqas il-kapaċità tal-akkwist u jagħmel ħsara lin-nies u lin-negozji madwar iż-żona tal-euro – speċjalment l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà tagħna.

Iżda se nġibu l-inflazzjoni lura għall-mira tagħna ta’ 2% fuq żmien medju. Huwa għalhekk li għollejna r-rati tal-imgħax b’pass rekord, u għaliex se nġibuhom f’livelli restrittivi biżżejjed – u nżommuhom f’dawk il-livelli sakemm ikun meħtieġ – biex l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna f’waqtha.

Kif ifakkruna l-ġrajjiet reċenti fis-settur bankarju, il-kompitu tal-politika monetarja huwa megħjun minn sistema bankarja robusta. L-istabbiltà finanzjarja hija prekundizzjoni għall-istabbiltà tal-prezzijiet, u viċi versa Mill-2014 ’l hawn, meta ħadna f’idejna s-superviżjoni bankarja, ħdimna biex inżommu lill-banek fiż-żona tal-euro b’saħħithom. U superviżuri bankarji ppreseduti minn Andrea Enria se jkomplu l-isforzi tagħna biex niżguraw li l-banek ikunu kkapitalizzati tajjeb u reżiljenti għal kundizzjonijiet li qed jinbidlu, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jsellfu lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi.

L-unjoni monetarja tagħna ġarrbet diversi provi fil-ħamsa u għoxrin sena li għaddew. Iffaċċjajna kriżijiet li setgħu firduna – mhux l-inqas il-kriżi finanzjarja kbira, il-kriżi tad-dejn sovran u l-pandemija. Iżda f’kull okkażjoni, aħna ħriġna aktar b’saħħitna. Issa jeħtieġ li nibnu fuq dik is-saħħa interna.

Hekk kif id-dinja qed issir aktar imprevedibbli, l-Ewropa tista’ trawwem ir-reżiljenza fuq żewġ fronti. Bl-integrazzjoni tas-swieq kapitali tagħha, l-Ewropa tista’ tiffaċilita aħjar l-investiment fis-setturi ekoloġiċi u diġitali li huma tant kruċjali biex issaħħaħ it-tkabbir futur tagħha. U bit-tlestija tal-unjoni bankarja, nistgħu niżguraw li s-settur bankarju jgħin biex ir-riskji jitnaqqsu matul kriżijiet futuri aktar milli jiġu amplifikati.

L-eks President tal-Parlament Ewropew Simone Veil darba qalet li “neħtieġu Ewropa li kapaċi jkollha s-solidarjetà, l-indipendenza u l-kooperazzjoni”. Dan juri sew dak li jirrappreżenta l-euro. Fl-aħħar mill-aħħar, l-euro huwa aktar minn munita. Huwa l-aktar forma b’saħħitha ta’ integrazzjoni Ewropea u jirrappreżenta Ewropa magħquda li taħdem għalenija għall-protezzjoni u l-benefiċċju, taċ-ċittadini kollha tagħha.

U l-BĊE dejjem se jkun il-pedament ta’ dak l-isforz.

Dan il-blog ġie ppubblikat bħala opinjoni fil-gazzetti tal-20 pajjiż taż-żona tal-euro kollha

Abbona fil-Blog tal-BĊE