- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi-President tal-BĊE
Firenze, 30 ta’ Ottubru 2025
Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi-President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Nixtieq nirringrazzja lill-Gvernatur Panetta għall-ospitalità ġeneruża tiegħu u nesprimi l-gratitudni speċjali tagħna lejn il-persunal tiegħu għall-organizzazzjoni eċċellenti tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. L-inflazzjoni bħalissa tinsab f’madwar il-mira tagħna fuq terminu medju ta’ tnejn fil-mija u l-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni tibqa’ ġeneralment l-istess. L-ekonomija kompliet tikber minkejja l-ambjent globali ta’ sfida. Is-suq tax-xogħol robust, il-karti tal-bilanċ sodi tas-settur privat u t-tnaqqis tar-rati tal-imgħax li wettaqna fil-passat jibqgħu sorsi ta’ reżiljenza importanti. Madankollu, il-prospettiva tibqa’ inċerta, b’mod partikolari minħabba t-tilwim tal-kummerċ globali u t-tensjonijiet ġeopolitiċi li jinsabu għaddejjin.
Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
L-ekonomija kibret b’0.2 fil-mija fit-tielet trimestru tas-sena, skont l-istima preliminari tal-Eurostat li ġiet ippubblikata llum. Is-settur tas-servizzi kompla jikber, imseddaq mill-prestazzjoni b’saħħitha tas-settur tat-turiżmu u ż-żieda fis-servizzi diġitali. Skont l-istħarriġ, din iż-żieda tirrifletti l-fatt li ħafna ditti żiedu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-infrastrutturi tal-IT tagħhom u biex jintegraw l-intelliġenza artifiċjali fl-operat tagħhom. Fil-frattemp, il-manifattura nżammet lura minħabba t-tariffi ogħla, l-inċertezza li għadha għolja u l-euro aktar b’saħħtu.
Id-diverġenza bejn id-domanda domestika u esterna aktarx li tippersisti fiż-żmien fil-qrib. L-ekonomija għandha tibbenefika minn infiq aktar mill-konsumaturi hekk kif l-introjtu reali jiżdied. Il-qgħad, li kien jinsab f’rata ta’ 6.3 fil-mija f’Settembru, għadu qrib l-aktar rata baxxa storikament, għalkemm id-domanda għall-manodopera naqset. L-unitajiet domestiċi għadhom iġemmgħu proporzjon ogħla mis-soltu tal-introjtu tagħhom, li għandu jagħtihom marġni akbar biex iżidu l-infiq aktar. In-nefqa sostanzjali tal-gvernijiet fuq l-infrastruttura u d-difiża, kif ukoll it-tnaqqis fir-rati tal-imgħax li wettaqna fil-passat, għandhom jirfdu l-investiment.
B’kuntrast ma’ dan, l-ambjent globali aktarx li jibqa’ ta’ xkiel. L-esportazzjonijiet tal-prodott naqsu minn Marzu sa Awwissu, li jreġġa’ lura l-frontloading tal-kummerċ internazzjonali qabel iż-żidiet reċenti fit-tariffi. L-ordnijiet tal-esportazzjoni fil-manifattura jindikaw aktar tnaqqis. L-impatt sħiħ tat-tariffi ogħla fl-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro u l-investiment fil-manifattura se jsiru viżibbli biss maż-żmien.
Il-Kunsill Governattiv jisħaq dwar il-ħtieġa urġenti li jissaħħu ż-żona tal-euro u l-ekonomija tagħha fl-ambjent ġeopolitiku preżenti, u nilqgħu l-istqarrija tal-mexxejja tal-UE fejn affermaw mill-ġdid din l-ambizzjoni fis-Summit tal-Euro tal-ġimgħa li għaddiet. Il-politiki fiskali u strutturali għandhom jagħtu spinta lill-produttività, il-kompetittività u r-reżiljenza. Huwa essenzjali li jiġi implimentat b’ħeffa l-pjan direzzjonali għall-kompetittività tal-Kummissjoni Ewropea. Il-gvernijiet għandhom jagħtu prijorità lil riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir u l-investiment strateġiku, filwaqt li jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli. Huwa wkoll vitali li titrawwem aktar integrazzjoni tas-suq kapitali billi titlesta l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti u l-unjoni bankarja skont skeda ta’ żmien ambizzjuża, u li jiġi adottat b’ħeffa r-regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali.
Il-Kunsill Governattiv huwa impenjat li jagħmel il-flus tal-bank ċentrali użati fil-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa adattati għall-era diġitali. F’din il-vena, il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jimxi għall-istadju li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali. Dan se jiżgura l-prontezza teknika għall-ħruġ potenzjali u l-appoġġ għas-sovranità diġitali tal-Ewropa malli tkun ġiet adottata l-leġiżlazzjoni. Id-dettalji ta’ din id-deċiżjoni huma disponibbli fi stqarrija għall-istampa separata.
Inflazzjoni
L-inflazzjoni annwali żdiedet għal 2.2 fil-mija f’Settembru, minn 2.0 fil-mija f’Awwissu. Dan kien l-aktar minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija naqsu b’anqas minn qabel. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija kienet -0.4 fil-mija f’Settembru, żieda minn -2.0 fil-mija f’Awwissu. Sadanittant, l-inflazzjoni fil-prezz tal-ikel taffiet għal 3.0 fil-mija f’Settembru, minn 3.2 fil-mija f’Awwissu. L-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel żdiedet għal 2.4 fil-mija, minn 2.3 fil-mija f’Awwissu, hekk kif l-inflazzjoni tas-servizzi żdiedet kemxejn minn 3.1 fil-mija għal 3.2 fil-mija, filwaqt li l-inflazzjoni tal-prodotti reġgħet baqgħet l-istess b’rata ta’ 0.8 fil-mija.
L-indikaturi tal-inflazzjoni prinċipali jibqgħu konsistenti mal-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq terminu medju. Filwaqt l l-profitti tad-ditti qed jirkupraw, il-kostjiet tal-manodopera huma mistennija li jkomplu jimmoderaw aktar minħabba ż-żieda fl-produttività u t-tnaqqis taż-żieda fil-pagi. L-indikaturi li jħarsu ’l quddiem, bħall-indikatur tal-pagi u l-istħarriġ dwar l-aspettattivi tal-pagi, juru ritmu inqas elevat taż-żieda fil-pagi matul il-kumplament tas-sena u fl-ewwel nofs tal-2026.
Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal se jkomplu jkunu ta’ madwar 2 fil-mija, u dan jappoġġa r-ritorn sostenibbli tal-inflazzjoni għall-mira tagħna.
Valutazzjoni tar-riskji
Il-ftehim tal-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti li ntlaħaq fis-sajf, il-waqfien fil-ġlied li tħabbar dan l-aħħar fl-Lvant Nofsani u t-tħabbira llum ta’ progress fin-negozjati tal-kummerċ bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina taffew xi wħud mir-riskji ta’ tnaqqis għat-tkabbir ekonomiku. Fl-istess ħin, l-ambjent tal-kummerċ globali li għadu volatili jista’ jfixkel il-ktajjen tal-provvista, ikompli jnaqqas l-esportazzjonijiet, u jkun ta’ piż fuq il-konsum u l-investiment. Deterjorament fis-sentiment tas-suq finanzjarju jista’ jwassal għal kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar issikkati, averżjoni akbar għar-riskju u tkabbir aktar dgħajjef. It-tensjonjiet ġeopolitiċi, b’mod partikolari l-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, jibqgħu sors ta’ inċertezza maġġuri. B’kuntrast, l-infiq ogħla milli mistenni fuq id-difiża u l-infrastruttura, flimkien ma’ riformi li jtejbu l-produttività, għandhom iżidu t-tkabbir. Titjib fil-kunfidenza tan-negozju jista’ jistimula wkoll l-investiment privat. Is-sentiment jista’ jintrefa’ ’l fuq u tingħata spinta lill-attività jekk it-tensjonijiet ġeopolitiċi li fadal jonqsu, jew jekk it-tilwim tal-kummerċ li jifdal jiġi solvut aktar malajr milli huwa mistenni.
Il-prospettiva għall-inflazzjoni tkompli tkun aktar inċerta mis-soltu, minħabba l-ambjent tal-politika tal-kummerċ globali li għadu volatili. L-euro aktar b’saħħtu jista’ jnaqqas l-inflazzjoni aktar milli mistenni. Barraminhekk, l-inflazzjoni tista’ tirriżulta li tkun aktar baxxa jekk it-tariffi ogħla jwasslu għal domanda aktar baxxa għall-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro u dan iwassal sabiex il-pajjiżi b’kapaċità żejda jkomplu jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn iż-żona tal-euro. Żieda fil-volatilità u fl-averżjoni għar-riskju fis-swieq finanzjarji tista’ tkun ta’ piż fuq id-domanda domestika u b’hekk tnaqqas ukoll l-inflazzjoni. B’kuntrast, l-inflazzjoni tista’ tirriżulta ogħla jekk il-frammentazzjoni tal-ktajjen tal-provvista globali tgħolli l-prezzijiet tal-importazzjoni, trażżan il-provvista tal-materja prima kritika u żżid mal-limitazzjonijiet fil-kapaċità fl-ekonomija domestika. Żieda fin-nefqa fuq id-difiża u l-infrastruttura tista’ żżid ukoll l-inflazzjoni permezz tal-effett tagħha fuq perjodu ta’ żmien medju. L-avvenimenti ta’ temp estrem, u l-kriżi klimatika u tan-natura li qiegħda tiżvolġi b’mod aktar estiż, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel aktar milli huwa mistenni.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Sa mill-aħħar laqgħa tagħna, ir-rati tas-suq baqgħu ġeneralment l-istess. It-tnaqqis fir-rati tal-imgħax li wettaqna fil-passat komplew inaqqsu r-rati tat-tislif bankarju għad-ditti, li laħqu medja ta’ 3.5 fil-mija f’Awwissu. Sadanittant, il-kost tal-ħruġ ta’ dejn ibbażat fuq is-suq baqa’ ta’ 3.5 fl-mija f’Awwissu, hekk kif ir-redditi fuq terminu itwal li fuqhom huwa pprezzat dak id-dejn kienu relattivament stabbli.
Ir-rata tat-tkabbir annwali tat-tislif mill-banek lid-ditti naqas kemxejn għal 2.9 fl-mija f’Settembru, minn 3.0 fil-mija f’Awwissu. Fl-istess ħin, il-ħruġ ta’ bonds korporattivi naqas fir-ritmu għal 3.3 fl-mija fuq bażi annwali. Skont l-aħħar stħarriġ tat-tislif mill-banek għaż-żona tal-euro, l-istandards tal-kreditu għas-self lin-negozji ssikkaw b’mod moderat fit-tielet trimestru, hekk kif il-banek saru aktar imħassbin dwar ir-riskji ffaċċjati mill-klijenti tagħhom. Id-domanda tad-ditti għall-kreditu żdiedet kemxejn.
Ir-rata medja tal-imgħax fuq self ipotekarju ġdid ftit li xejn inbidlet sa mill-bidu tas-sena u f’Awwissu baqgħet 3.3 fil-mija. It-tkabbir fis-self ipotekarju żdied kemxejn għal 2.6 fil-mija f’Settembru, minn 2.5 fil-mija f’Awwissu, wara żieda ulterjuri fid-domanda u standards ta’ kreditu mhux mibdulin fit-tielet trimestru.
It-tkabbir fl-aggregat monetarju wiesa’ – kif imkejjel minn M3 – naqqas fir-ritmu għal 2.8 fil-mija f’Settembru, tnaqqis minn 2.9 fil-mija f’Awwissu u medja ta’ 3.8 fil-mija matul l-ewwel nofs tas-sena.
Konklużjoni
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. Id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Issa lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja
