- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi-President tal-BĊE
Frankfurt am Main, 5 ta’ Frar 2026
Il-waranofsinhar it-tajjeb, il-Viċi-President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
Nixtiequ nibdew billi nifirħu lill-Bulgarija talli ssieħbet fiż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2026. Nilqgħu mill-qalb ukoll lil Dimitar Radev, il-Gvernatur ta’ Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru), fil-Kunsill Governattiv. Is-sħubija fiż-żona tal-euro kważi rduppjat mill-1999 u dan huwa xhieda tal-attraenza tal-munita unika u tal-benefiċċji li ġġib magħha l-integrazzjoni Ewropea.
Issa se nirrapportaw fuq dak li ħareġ mil-laqgħa tal-lum.
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Il-valutazzjoni aġġornata tagħna tikkonferma mill-ġdid li l-inflazzjoni għandha tistabbilizza ruħha fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. L-ekonomija tibqa’ reżiljenti f’ambjent globali ta’ sfida. Qgħad baxx, karti tal-bilanċ tas-settur privat solidi, rollout gradwali tan-nefqa pubblika fuq id-difiża u fuq l-infrastruttura u l-effetti ta’ appoġġ tat-tnaqqis fir-rata tal-imgħax li għamilna fil-passat qegħdin isostnu t-tkabbir. Fl-istess ħin, il-prospettiva għadha inċerta, b’mod partikolari minħabba l-inċertezza politika fil-kummerċ globali u t-tensjonijiet ġeopolitiċi li jinsabu għaddejjin.
Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
L-ekonomija taż-żona tal-euro kibret b’0.3 fil-mija fir-raba’ trimestru tal-2025, skont l-istima flash preliminari tal-Eurostat. It-tkabbir ġie xprunat b’mod ewlieni mis-servizzi, b’mod partikolari fis-settur tal-informazzjoni u f’dak tal-komunikazzjoni. Il-manifattura baqgħet reżiljenti minkejja l-intoppi mill-kummerċ globali u l-inċertezza ġeopolitika. Il-momentum fil-kostruzzjoni reġa’ qed jaqbad, appoġġat ukoll mill-investiment pubbliku.
Is-suq tax-xogħol ikompli jappoġġa l-introjtu, anki jekk id-domanda għall-ħaddiema birdet ulterjorment. F’Diċembru, il-qgħad baqa’ fil-livell ta’ 6.2 fil-mija, wara li kien 6.3 fil-mija f’Novembru. Introjtu mix-xogħol li qed jiżdied flimkien ma’ rata ta’ tfaddil ta’ unitajiet domestiċi aktar baxxa għandhom isaħħu l-konsum privat. In-nefqa tal-gvern fuq id-difiża u fuq l-infrastruttura għandha tikkontribwixxi wkoll għad-domanda domestika. L-investiment tan-negozji għandu jissaħħaħ ulterjorment, u l-istħarriġiet jindikaw li d-ditti qed jinvestu dejjem aktar f’teknoloġiji diġitali ġodda. Fl-istess ħin, l-ambjent estern jibqa’ wieħed ta’ sfida, minħabba tariffi għoljin u euro aktar b’saħħtu tul din l-aħħar sena.
Il-Kunsill Governattiv jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ iż-żona tal-euro u l-ekonomija tagħha fil-kuntest ġeopolitiku attwali. Il-gvernijiet għandhom jipprijoritizzaw finanzi pubbliċi sostenibbli, investiment strateġiku u riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir. Jibqa’ kruċjali li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku. Huwa wkoll vitali li titrawwem aktar integrazzjoni tas-suq kaptali billi titlesta l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti u l-unjoni bankarja skont skeda ta’ żmien ambizzjuża, u li r-Regolament dwar l-istabbiliment ta’ euro diġitali jiġi adottat b’ħeffa.
Inflazzjoni
L-inflazzjoni niżlet għal 1.7 f’Jannar, minn 2.0 fil-mija f’Diċembru u 2.1 fil-mija f’Novembru. L-inflazzjoni fuq l-enerġija niżlet għal -4.1 fil-mija, wara -1.9 fil-mija f’Diċembru u -0.5 fil-mija f'Novembru, filwaqt li l-inflazzjoni fuq il-prezz tal-ikel żdiedet għal 2.7 fil-mija, minn 2.5 fil-mija f’Diċembru u 2.4 fil-mija f’Novembru. L-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel naqset xi ftit għal 2.2 fil-mija, wara 2.3 fil-mija f’Diċembru u 2.4 fil-mija f'Novembru. L-inflazzjoni fuq l-oġġetti żdiedet għal 0.4 fil-mija, filwaqt li l-inflazzjoni fis-servizzi naqset għal 3.2 fil-mija, minn 3.4 fil-mija f’Diċembru u 3.5 fil-mija f’Novembru.
L-indikaturi tal-inflazzjoni sottostanti ftit inbidlu f’dawn l-aħħar xhur u għadhom konsistenti mal-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq medda medja ta’ żmien. Tkabbir fil-pagi negozjat u indikaturi li jħarsu l-quddiem, bħall-wage tracker u l-istħarriġiet tal-BĊE dwar l-aspettattivi tal-pagi, jindikaw moderazzjoni kontinwata fil-kostijiet lavorattivi. Madankollu, il-kontribuzzjoni għat-tkabbir fil-pagi ġenerali mill-pagamenti apparti l-komponent negozjat tal-paga tibqa’ inċerta.
Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal se jkomplu jkunu ta’ madwar 2 fil-mija, u dan jappoġġa r-ritorn sostenibbli tal-inflazzjoni għall-mira tagħna.
Valutazzjoni tar-riskji
Iż-żona tal-euro tibqa’ taffaċċja ambjent politiku globali volatili. Żieda mġedda fl-inċertezza jista’ jkollha effett fuq id-domanda. Deterjorament fis-sentiment tas-swieq finanzjarji globali jista’ jnaqqas id-domanda. Aktar frizzjonijiet fil-kummerċ internazzjonali jista’ jfixkel il-ktajjen tal-provvista, inaqqas l-esportazzjonijiet u jdgħajjef il-konsum u l-investiment. It-tensjonjiet ġeopolitiċi, b’mod partikolari l-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, jibqgħu sors ta’ inċertezza maġġuri. B'kuntrast, l-infiq ippjanat fuq id-difiża u fuq l-infrastruttura, flimkien mal-adozzjoni ta’ riformi li jtejbu l-produttività u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda minn ditti taż-żona tal-euro, jistgħu jixprunaw it-tkabbir b’aktar milli mistenni, inkluż permezz ta’ effetti pożittivi fuq il-fiduċja tan-negozji u tal-konsumaturi. Ftehimiet kummerċjali ġodda u integrazzjoni aktar profonda tas-Suq Uniku Ewropew jistgħu jsaħħu wkoll it-tkabbir lil hinn mill-aspettattivi kurrenti.
Il-prospettiva għall-inflazzjoni tkompli tkun aktar inċerta mis-soltu, minħabba l-ambjent politiku globali volatili. L-inflazzjoni tista’ tirriżulta li tkun aktar baxxa jekk it-tariffi jnaqqsu d-domanda għall-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro b’aktar milli mistenni u jekk il-pajjiżi b’kapaċità żejda jżidu ulterjorment l-esportazzjonijiet tagħhom lejn iż-żona tal-euro. Barra minn hekk, euro aktar b’saħħtu jista’ jnaqqas l-inflazzjoni aktar milli mistenni attwalment. Swieq finanzjarji aktar volatili u avversi għar-riskji jistgħu jrażżnu d-domanda u b’hekk inaqqsu wkoll l-inflazzjoni. B’kuntrast, l-inflazzjoni tista’ tirriżulta ogħla li kieku kien hemm tendenza ’l fuq persistenti fil-prezzijiet tal-enerġija, jew jekk ktajjen tal-provvista globali aktar frammentati jgħollu l-prezzijiet tal-importazzjoni, irażżnu l-provvista ta’ materja prima kritika u jżidu mal-limitazzjonijiet fil-kapaċità fl-ekonomija taż-żona tal-euro. Li kieku t-tkabbir fil-pagi jimmodera aktar bil-mod, l-inflazzjoni fis-servizzi tista’ tonqos aktar tard milli mistenni. Żieda ppjanata fin-nefqa fuq id-difiża u l-infrastruttura tista’ żżid ukoll l-inflazzjoni fuq perjodu ta’ żmien medju. L-avvenimenti ta’ temp estrem, u l-kriżijiet klimatiċi u tan-natura li qegħdin jiżvolġu b’mod aktar estiż, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel aktar milli huwa mistenni.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Ir-rati tas-suq naqsu sa mill-aħħar laqgħa tagħna, filwaqt li l-kummerċ globali u t-tensjonijiet ġeopolitiċi żiedu temporanjament il-volatilità tas-suq finanzjarju. F’Diċembru, ir-rati ta’ self tal-banek għad-ditti telgħu għal 3.6 fil-mija, minn 3.5 fil-mija f’Novembru, kif għamel il-kost tal-ħruġ tad-dejn abbażi tas-suq. Ir-rata tal-imgħax medja fuq ipoteki ġodda għal darb’oħra żammet stabbli, bi 3.3 fil-mija f’Diċembru.
Is-self mill-banek lid-ditti żdied bi 3.0 fil-mija fuq bażi annwali f’Diċembru, wara 3.1 fil-mija f'Novembru u 2.9 fil-mija f’Ottubru. Il-ħruġ tal-bonds korporattivi żdied bi 3.4 fil-mija f’Diċembru. Skont l-aħħar stħarriġ tagħna dwar is-self mill-banek għaż-żona tal-euro, id-domanda għall-kreditu min-naħa tad-ditti kienet xi ftit ogħla fir-raba’ trimestru, b’mod speċjali biex jiġu ffinanzjati inventarji u kapital lavorattiv. Fl-istess ħin, l-istandards tal-kreditu għas-self tan-negozji ssikkaw mill-ġdid.
Is-self b’ipoteki żdied bi 3.0 fil-mija, wara li kien 2.9 fil-mija f’Novembru u 2.8 fil-mija f’Ottubru, b’rispons għal domanda li għadha qed tiżdied għas-self u laxkar ta’ standards tal-kreditu.
Konklużjoni
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. Id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Issa lesti biex inwieġbu għall-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja
