- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi-President tal-BĊE
Frankfurt am Main, 18 ta’ Diċembru 2025
Il-waranofsinhar it-tajjeb, il-Viċi-President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE l-istess. Il-valutazzjoni aġġornata tagħna tikkonferma mill-ġdid li l-inflazzjoni għandha tistabbilizza ruħha fil-mira tagħna ta’ 2 fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju.
Il-projezzjonijiet il-ġodda tal-persunal tal-Eurosistema juru inflazzjoni ewlenija medja ta’ 2.1 fil-mija fl-2025, 1.9 fil-mija fl-2026, 1.8 fil-mija fl-2027 u 2.0 fil-mija fl-2028. Għall-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel, il-persunal jipproġetta medja ta’ 2.4 fil-mija fl-2025, 2.2 fil-mija fl-2026, 1.9 fil-mija fl-2027 u 2.0 fil-mija fl-2028. L-inflazzjoni ġiet riveduta ’l fuq għall-2026, l-aktar għaliex il-persunal issa jistenna li l-inflazzjoni tas-servizzi tonqos aktar bil-mod. It-tkabbir ekonomiku mistenni jkun aktar b’saħħtu milli kien fil-projezzjonijiet ta’ Settembru, xprunat speċjalment mid-domanda domestika. It-tkabbir ġie rivedut ’il fuq għal 1.4 fil-mija fl-2025, 1.2 fil-mija fl-2026 u 1.4 fil-mija fl-2027 u huwa mistenni li jibqa’ 1.4 fil-mija fl-2028.
Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ 2 fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
L-ekonomija kienet reżiljenti. Kibret b’0.3 fil-mija fit-tielet trimestru, billi rriflettiet prinċipalment konsum u investiment aktar b’saħħithom. L-esportazzjonijiet żdiedu wkoll, b’kontribut sinifikanti mis-sustanzi kimiċi. Il-kompożizzjoni settorjali tat-tkabbir kienet iddominata mis-servizzi, speċjalment fis-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, filwaqt li l-attività fl-industrija u l-kostruzzjoni baqgħet l-istess. Din ix-xejra ta’ tkabbir xprunat mis-servizzi x’aktarx li se tkompli fi żmien qasir.
L-ekonomija qed tibbenefika minn suq tax-xogħol robust. Il-qgħad, ta’ 6.4 fil-mija f’Ottubru, huwa qrib l-inqas livell storiku tiegħu, u l-impjiegi żdiedu b’0.2 fil-mija fit-tielet trimestru. Fl-istess ħin, id-domanda għax-xogħol kompliet tibred, bir-rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti tinsab fl-aktar livell baxx tagħha mill-pandemija.
Il-projezzjonijiet tal-persunal jaraw id-domanda domestika bħala l-ixprunatur ewlieni tat-tkabbir fis-snin li ġejjin. Id-dħul reali huwa mistenni li jkompli jiżdied u r-rata tat-tfaddil għandha tinżel gradwalment mil-livell li għadu għoli tagħha, u b’hekk tappoġġa l-konsum. L-investiment fin-negozju u l-infiq sostanzjali tal-gvern fuq l-infrastruttura u d-difiża għandhom ikunu dejjem aktar il-bażi tal-ekonomija. Madankollu, l-ambjent diffiċli għall-kummerċ globali x’aktarx li jibqa’ ta’ xkiel għat-tkabbir fiż-żona tal-euro din is-sena u s-sena d-dieħla.
Il-Kunsill Governattiv jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ iż-żona tal-euro u l-ekonomija tagħha fil-kuntest ġeopolitiku attwali. Nilqgħu l-appell tal-Kummissjoni Ewropea lill-gvernijiet biex jagħtu prijorità lill-finanzi pubbliċi sostenibbli, l-investiment strateġiku u r-riformi strutturali li jtejbu t-tkabbir. Huwa kruċjali li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku. Huwa wkoll vitali li titrawwem aktar integrazzjoni tas-suq kaptali billi titlesta l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti u l-unjoni bankarja skont skeda ta’ żmien ambizzjuża, u li jiġi adottat b’ħeffa r-Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali.
Inflazzjoni
L-inflazzjoni annwali ilha f’firxa dejqa mir-rebbiegħa ’l hawn u baqgħet 2.1 fil-mija f’Novembru. Il-prezzijiet tal-enerġija kienu 0.5 fil-mija aktar baxxi minn sena ilu, wara tnaqqis akbar f’Ottubru. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel kienet ta’ 2.4 fil-mija, wara 2.5 fil-mija f’Ottubru u 3.0 fil-mija f’Settembru. L-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel baqgħet stabbli fi 2.4 fil-mija, hekk kif l-inflazzjoni tal-oġġetti u s-servizzi mxiet f’direzzjonijiet opposti. L-inflazzjoni tal-oġġetti niżlet għal 0.5 f’Novembru, minn 0.6 fil-mija f’Ottubru u 0.8 fil-mija f’Settembru. L-inflazzjoni tas-servizzi żdiedet għal 3.4 fil-mija f’Ottubru u għal 3.5 fil-mija f’Novembru, minn 3.2 fil-mija f’Settembru.
L-indikaturi tal-inflazzjoni sottostanti ftit inbidlu f’dawn l-aħħar xhur u għadhom konsistenti mal-mira tagħna ta’ 2 fil-mija fuq medda medja ta’ żmien. Filwaqt li t-tkabbir fil-profitti unitarji ma nbidilx fit-tielet trimestru, il-kostijiet lavorattivi unitarji kibru b’rata kemxejn ogħla milli fit-tieni trimestru. Il-kumpens għal kull impjegat żdied b’rata annwali ta’ 4.0 fil-mija. Dan kien aktar milli mistenni fil-projezzjonijiet tal-persunal ta’ Settembru, u kien dovut għal pagamenti li jmorru lil hinn mill-pagi nnegozjati. Indikaturi li jħarsu ’l quddiem, bħas-sistema ta’ traċċar tal-pagi tal-BĊE u stħarriġ dwar l-aspettattivi tal-pagi, jissuġġerixxu li t-tkabbir tal-pagi se jonqos fit-trimestri li ġejjin, qabel ma jistabbilizza ruħu xi ftit taħt it-3 fil-mija lejn tmiem l-2026.
L-inflazzjoni għandha tonqos fi żmien qasir, l-aktar minħabba li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija fil-passat se jonqsu mir-rati annwali. Il-persunal jistenna li jibqa’ taħt it-2 fil-mija bħala medja fl-2026 u fl-2027, bl-inflazzjoni tal-enerġija tkun negattiva matul il-biċċa l-kbira ta’ dan il-perjodu u bl-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija tonqos gradwalment. Imbagħad, l-inflazzjoni għandha terġa’ lura għall-mira fl-2028, fost żieda qawwija fl-inflazzjoni tal-enerġija. Dan parzjalment jirrifletti l-effett ’il fuq, fuq l-inflazzjoni tas-Sistema ta’ Skambju ta’ Emissjonijiet tal-UE 2, li issa hija mistennija li tibda fl-2028, sena aktar tard milli preżunt fil-projezzjonijiet tal-persunal ta’ Settembru. L-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija hija prevista li tistabbilizza ruħha għal madwar 2 fil-mija fl-aħħar snin tal-orizzont tal-projezzjoni.
Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal se jkomplu jkunu ta’ madwar 2 fil-mija, u dan jappoġġa r-ritorn sostenibbli tal-inflazzjoni għall-mira tagħna.
Valutazzjoni tar-riskji
Filwaqt li t-tensjonijiet kummerċjali naqsu, l-ambjent internazzjonali li għadu volatili jista’ jfixkel il-ktajjen tal-provvista, inaqqas l-esportazzjonijiet, u jkun ta’ piż fuq il-konsum u l-investiment. Deterjorament fis-sentiment tas-suq finanzjarju globali jista’ jwassal għal kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti, averżjoni akbar għar-riskju u tkabbir aktar dgħajjef. It-tensjonjiet ġeopolitiċi, b’mod partikolari l-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, jibqgħu sors ta’ inċertezza maġġuri. B’kuntrast, l-infiq ippjanat fuq id-difiża u l-infrastruttura, flimkien ma’ riformi li jtejbu l-produttività, jistgħu jixprunaw it-tkabbir b’aktar milli huwa mistenni. Titjib fil-kunfidenza jista’ jistimula l-infiq privat.
Il-prospettiva għall-inflazzjoni tkompli tkun aktar inċerta mis-soltu, minħabba l-ambjent internazzjonali li għadu volatili. L-inflazzjoni tista’ tirriżulta li tkun aktar baxxa jekk iż-żieda fit-tariffi tal-Istati Uniti tnaqqas id-domanda għall-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro u jekk il-pajjiżi b’kapaċità żejda jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn iż-żona tal-euro. Barra minn hekk, euro aktar b’saħħtu jista’ jnaqqas l-inflazzjoni aktar milli mistenni. Żieda fil-volatilità u fl-averżjoni għar-riskju fis-swieq finanzjarji tista’ tkun ta’ piż fuq id-domanda u b’hekk tnaqqas ukoll l-inflazzjoni. B’kuntrast, l-inflazzjoni tista’ tirriżulta ogħla jekk il-ktajjen tal-provvista globali aktar frammentati jgħollu l-prezzijiet tal-importazzjoni, irażżnu l-provvista ta’ materja prima kritika u jżidu mal-limitazzjonijiet fil-kapaċità fl-ekonomija taż-żona tal-euro. Tnaqqis iktar bil-mod fil-pressjonijiet fuq il-pagi jista’ jdewwem it-tnaqqis fl-inflazzjoni fis-servizzi. Żieda fin-nefqa fuq id-difiża u l-infrastruttura tista’ żżid ukoll l-inflazzjoni permezz tal-effett tagħha fuq perjodu ta’ żmien medju. L-avvenimenti ta’ temp estrem, u l-kriżijiet klimatiċi u tan-natura li qegħdin jiżvolġu b’mod aktar estiż, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel aktar milli huwa mistenni.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Mill-aħħar laqgħa tagħna, ir-rati tas-suq żdiedu. Mis-sajf ’l hawn, ir-rati tas-self bankarju għad-ditti baqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom stabbli, wara li waqgħu b’rispons għat-tnaqqis fir-rata skont il-politika tagħna meta mqabbel mas-sena li għaddiet. F’Ottubru, kienu ta’ 3.5 fil-mija, b’hekk ma nbidlux minn Settembru. Il-kost tal-ħruġ tad-dejn ibbażat fuq is-suq kien ta’ 3.4 fil-mija, ukoll qrib il-livell tiegħu ta’ Settembru. Ir-rata tal-imgħax medja fuq ipoteki ġodda għal darb’oħra żammet stabbli, bi 3.3 fil-mija f’Ottubru.
F’Ottubru, is-self mill-banek lid-ditti żdied bi 2.9 fil-mija fuq bażi annwali; dan baqa’ mhux mibdul minn Settembru. Il-ħruġ ta’ bonds korporattivi żdied bi 3.2 fil-mija, għaldaqstant baqa’ mhux mibdul ukoll. Is-self ipotekarju ssaħħaħ, u kiber bi 2.8 fil-mija wara 2.6 fil-mija f’Settembru.
F’konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tagħna, il-Kunsill Governattiv ivvaluta fil-fond ir-rabtiet bejn il-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja. Il-banek taż-żona tal-euro huma reżiljenti, appoġġati minn proporzjonijiet ta’ kapital u tal-likwidità b’saħħithom, kwalità tal-assi solida u profitabilità robusta. Iżda l-inċertezza ġeopolitika u l-possibbiltà ta’ pprezzar mill-ġdid f’daqqa fis-swieq finanzjarji globali joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro. Il-politika makroprudenzjali tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża kontra l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet finanzjarji, li ttejjeb ir-reżiljenza u tippreżerva l-ispazju makroprudenzjali.
Konklużjoni
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ 2 fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. Id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Issa lesti biex inwieġbu għall-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja
